“Aktar stati lesti jieħdu azzjoni militari kontra s-Sirja” – John Kerry

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan John Kerry sostna li żdied in-numru ta’ stati li lesti jieħdu azzjoni militari kontra l-Gvern Sirjan. Meta kien qed jitkellem f’Pariġi, John Kerry sostna li d-dinja ma tistax tibqa’ siekta quddiem il-qtil.

L-Istati Uniti qed takkuża lill-President Bashar al-Assad u l-forzi tiegħu bil-qtil ta’ aktar minn 1,400 persuna f’attakk bil-gass fil-21 t’Awwissu.

Il-President Franċiż Francois Hollande li allegatament hu l-moħħ wara l-azzjonijiet militari tal-Istati Uniti kontra Assad sostna li qed jistenna li r-rapport preliminari tal-Ġnus Magħquda dwar il-ġlied fis-Sirja jkun maħruġ sal-aħħar tal-ġimgħa d-dieħla.

Ta’ min jgħid li waqt summit tal-G20 fir-Russja, ma ntlaħaq l-ebda ftehim internazzjonali dwar l-azzjonijiet militari bil-President Amerikan Barack Obama ma jaqbilx mal-President Russu Vladimir Putin li qal li r-ribelli kienu l-moħħ wara l-attakk bil-gass fis-Sirja.