Aktar solidarjetà mill-membri kollha tal-UE għal burden sharing – Ministru Farrugia

Fl-aħħar jiem għadd ta’ immigranti ippruvaw jaqsmu mill-Afrika għall-Ewropa hekk kif it-temp qed jisbieħ. Waqt intervista fil-programm Follow Up, il-preżentatur Sergio Mallia saqsa lill-Ministru għall-Intern Michael Farrugia jekk ir-relazzjoni mal-Italja reġgħetx lura għan-normal hekk kif il-battibekki jidhru li taffew. Hu qal li n-Nazzjonijiet Magħquda tkellmet kontra din l-idea li l-vapuri tal-NGOs jinqatgħu barra mis-salvataġġ tal-immigranti għax temmen li aktar nies se jmutu fi triqithom. Iżda Farrugia qal li anke meta kien hemm dawn il-vapuri, xorta waħda kien hemm persuni li għerqu u mietu. Hu qal li aktar milli tjiebet ir-relazzjoni bejn Malta u l-Italja, wieħed jista’ jgħid li tjiebet ir-relazzjoni mal-Unjoni Ewropea.

Farrugia saħaq li jrid ikun hemm aktar solidarjetà bejn il-membri tal-Unjoni Ewropea biex ikun hemm burden sharing bejn il-pajjiżi kollha.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Immigrazzjoni Dimitris Avramopoulos saħaq li hemm bżonn li l-Ewropa tieqaf tagħmel arranġamenti temporanji u ssib soluzzjoni permanenti dwar l-immigrazzjoni fl-Ewropa.

Waqt l-intervista Mallia qal li l-kwistjoni hi li l-Kummissarju Ewropew f’Mejju qal li 80% tal-immigranti li ddaħlu Malta ġew allokati, iżda tul dawn l-aħħar ġimgħat ma kien hemm l-ebda aħbar dwar aktar allokazzjonijiet tal-immigranti li ddaħħlu Malta. Il-Ministru Farrugia qal li d-diskors tal-Kummissarju kien qed jirreferi għall-vapuri tal-NGOs u mhux għall-immigranti li ddaħlu permezz tal-Forzi Armati Maltin.

Mallia saqsa lill-Ministru hux veru li l-burden sharing sar japplika biss għall-immigranti li jiġu salvati mill-Forzi Armati ta’ Malta u mhux mill-vapuri tal-NGOs. Farrugia spjega li l-vapuri tal-NGOs kienu qed jinterċettaw dgħajjes viċin it-teritorju Libjan. Il-Forzi Armati ta’ Malta għandhom ir-responsabbiltà tal-ibħra Maltin. Hu qal li grazzi għall-Gwardja tal-Kosta Libjana, salvaw persuni li kienu fil-periklu li jmutu. Qal li ħafna minn dawn il-vapuri tal-NGOs m’għandhomx liċenzji ta’ rescue boats minħabba li hemm kriterji li jridu jissodisfaw qabel tingħatalhom il-liċenzja. Huwa spjega kif bosta minn dawn il-vapuri jagħmlu Tweets ta’ fejn ikunu qegħdin u jispiċċaw joħolqu pull-factors għal-dgħajjes li jkunu qed jaqsmu l-baħar.