Aktar riżultati inkoraġġanti dwar il-vaċċin

Health workers, community response, Iran, medical supplies, medicines
WHO

Coronavac, il-vaċċin sperimentali ta’ kontra l-COVID-19 żviluppat minn Sinovac Biotech ħalla impatt immedjat fuq is-sistema immunitarja iżda l-livell ta’ antikorpi kien iktar baxx minn dak ta’ persuni li kienu fiequ mill-marda. Dan ħareġ minn riżultati ta’ provi preliminari ppubblikati llum.

Filwaqt li l-provi tal-fażi inizjali u tan-nofs ma kienux intiżi li jivvalutaw l-effiċjenza ta’ CoronaVac, ir-riċerkaturi qalu li din tista’ tipprovdi ħarsien biżżejjed, fuq bażi tal-esperjenza tagħhom ma’ vaċċini oħra u tagħrif minn studji pre-kliniċi mwettqa fuq xadini.

L-istudju ħareġ ftit wara aħbarijiet pożittivi dan ix-xahar mill-kumpaniji Amerikani tal-farmaċewtika Pfizer u Moderna kif ukoll mir-Russja li wrew li vaċċini sperimentali kienu aktar minn 90% effiċjenti, skont provi fuq skala kbira u fl-aħħar fażijiet tal-iżvilupp.

CoronaVac u erba’ vaċċini sperimentali oħra sperimentali żviluppati fiċ-Ċina bħalissa jinsabu fl-aħħar fażi tal-provi biex ikun stabbilit l-effettività tagħhom fil-prevenzjoni tal-COVID-19.

Is-sejbiet ta’ Sinovac, verifikati minn partijiet terzi fil-ġurnal mediku The Lancet Infectious Diseases, ħarġu minn provi kliniċi fiċ-Ċina bl-involviment ta’ aktar minn 700 parteċipant.

“Ir-riżultati tagħna juru li CoronaVac kapaċi twassal għal rispons veloċi mill-antikorpi fi żmien erba’ ġimgħat mit-tilqima b’żewġ dożi tal-vaċċin, fi spazju ta’ 14-il ġurnata”, sostna Zhu Fengcai, wieħed mill-awturi tal-istudju.

‘Nemmnnu li b’hekk dan il-vaċċin huwa adattat għal użu ta’ emerġenza matul il-pandemija”, żied Zhu fi stqarrija ppubblikata flimkien mar-riċerka.

Ir-riċerkaturi qalu li s-sejbiet fit-tielet fażi tal-provi, fuq ammont kbir ta’ persuni, se jkunu kruċjali biex ikun determinat jekk ir-rispons tas-sistema immunitarja ġġenerat minn Coronavac hux biżżejjed biex il-persuni jkunu mħarsa minn infezzjoni bil-coronavirus.

Fil-preżent, Sinovac għaddejja bil-provi kliniċi tat-tielet fażi fl-Indoneżja, fil-Brażil u fit-Turkija.