Aktar restawr ta’ siti storiċi f’Għawdex

Il-Ministeru għal Għawdex u Wirt Għawdex iffirmaw ftehim sabiex jibda proġett ta’ restawr fuq żewġ siti storiċi fir-Rabat Għawdex.
Il-Loġġja tal-Palju u wieħed mix-xelters tal-gwerra fiċ-Ċittadella se jgħaddu minn proġett ta’ restawr b’investiment ta’ aktar minn €50,000 sabiex is-siti, li ilhom abbandunati għal diversi snin, jerġgħu jieħdu l-ħajja.
Il-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana qalet li proġetti bħal dawn, kif ukoll dak tal-Fanal tal-Ġordan, juru l-impenn tal-Ministeru sabiex jippreżerva l-wirt tal-passat.
Caruana saħqet li dawn il-proġetti huma fi dmir il-Ministeru sabiex ikunu jistgħu jibqgħu jitgawdew minn ġenerazzjonijiet ġejjiena.
Il-Loġġja tal-Palju, jew il-Barrakka, inbniet fl-1733 u kienet tintuża bħala l-post fejn jiġu ppremjati r-rebbieħa tat-tiġrijiet taż-żwiemel.
Min-naħa l-oħra, ix-xelter speċifiku li se jiġi rrestawrat għandu 32 kamra u jinsab taħt il-Bastjun ta’ San Martin.
Kien beda jinbena fl-1941.
Ritratti: MGOZ – George Scerri