Aktar rapporti dwar il-ħatra ta’ Nunzji Maltin

Qed joħorġu aktar rapporti dwar Mons. Alfred Xuereb u Mons. Antoine Camilleri li qed jissemmew li se jinħatru Nunzji Appostoliċi fil-Korea t'Isfel u f'Singapore rispettivament.  
Newsbook.com.mt ilbieraħ irrapporta dwar dawn il-ħatriet mill-Papa Franġisku, wara li kkonferma indipendentament dak li ħareġ fis-sit Il Sismografo li kien qed jikkwota lill-aġenzija Arġentina Telàm.  
Madanakollu ftit wara, persuni qrib Mons. Antoine Camilleri ċaħdu l-aħbar. Hija komuni li f'każi bħal dawn, il-persuni li jkunu se jiġu appuntati ma jitkellmux dwar is-sejħa ġdida tagħhom. 
Newsbook.com.mt ipprova kemm-il darba jikkuntattja lil Mons. Alfred Xuereb, bit-telefown u bl-imejl. Iżda sal-ħin tal-pubblikazzjoni ma rċevejna l-ebda risposta. 
Minkejja dan, is-sorsi li tkellmu magħna, qed jibqgħu jinsistu li ż-żewġ Maltin, it-tnejn b’karigi fil-Vatikan, se jinħatru Nunzji. Qalu wkoll li diġà hemm iffissata d-data tal-ħatra tagħhom, fid-19 ta’ Marzu li ġej.
Il-Vatican Insider u La Stampa, it-tnejn irrappurtaw il-ħatra ta’ Nunzji ġodda mill-Papa Franġisku. Jgħidu li l-ħatra ta’ Mons. Xuereb bħala Nunzju Appostoliku f’Seoul fil-Korea t’Isfel ġiet ikkonfermata minn sorsi qrib il-Vatikan, iżda ma kellhomx konferma dwar ta’ Mons. Camilleri.
Mons. Alfred Xuereb, illum jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tas-Segretarjat tal-Ekonomija tal-Vatikan. Għal ħames snin u nofs, bejn l-2007 sa tmiem il-Pontifikat tal-Papa Benedittu XVI, kien it-tieni segretarju tiegħu. Għal xi żmien kien ukoll is-Segretarju tal-Papa Franġisku. Jekk isir Nunzju, Mons. Xuereb, li hu mir-Rabat Għawdex, jiġi ordnat Isqof.
Mons. Antoine Camilleri bħalissa għandu rwol ta’ Sotto-Segretarju tas-Santa Sede għar-Relazzjonijiet bejn l-Istati.
Magħhom, il-Portugiż, Mons. Josè Avelino Bettencourt, li huwa l-Kap tal-Protokoll tas-Santa Sede qed jissemma li se jsir Nunzju Appostoliku ta’ Georgia. Din kienet ikkonfermata wkoll mill-Vatican Insider ma’ sorsi qrib il-Vatikan.