Aktar pupi Barbie b’diversità

Il-kumpanija Mattel li timmanifattura l-pupi Barbie din is-sena ħarġet verżjonijiet differenti biex jirriflettu aktar id-diversità fil-ħajja. Fost dawn se jkun hemm Barbie b’riġel artifiċjali u oħra bi problemi fil-ġilda.

Waqt li l-pupa b’riġel artifiċjali ddebuttat għall-ewwel darba s-sena l-oħra, din is-sena l-pupa se tkun ta’ karnaġġjon skur. Barbie oħra se tkun għal kollox bla xagħar waqt li l-pupu Ken din id-darba se jkollu xagħar twil minflok dak maqtugħ qasir kif kien qabel.

Lisa McKnight, li tieħu ħsieb il-portfoljo ta’ Barbie, qalet li huma mpenjati li juru aktar diversità fil-pupi tagħhom u b’hekk juru li hemm bosta tipi ta’ sbuħija fil-ħajja. B’hekk jilħqu aktar lil min ikun irid pupa li tirrifletti lilu stess.

Il-kumpanija Mattel għal bosta snin kienet kritikata li turi ideali ħażina dwar x’inhi sbuħija. Iżda f’dawn l-aħħar ħames snin bidlet id-dehra ta’ Barbie billi ħarġet pupi b’kuluri differenti tal-ġilda, xagħar differenti, figuri mhux perfetti bħal xi mudelli u strutturi tal-wiċċ varjati.

Il-fokus ta’ Barbiet dwar l-idea ta’ x’inhi sbuħija tirrifletti l-idea ta’ dawn iż-żminijiet fejn mhux biss laqtet id-dinja tal-ġugarelli imma wkoll id-dinja tal-moda u tal-politika.

Is-sena l-oħta aktar minn nofs il-pupi Barbie ma kinux dawk tas-soltu imma kollha kellhom xi karatteristika li turi d-diversità.