Aktar protokolli biex ikunu protetti l-anzjani fi djar residenzjali

Old people, anzjani

Read in English.

Hekk kif il-firxa tal-coronavirus fid-djar tal-anzjani aktar kemm jgħaddi ż-żmien aktar qed tiżdied, il-Ministeru għall-Familja, is-Segretarjat għall-Anzjanità Attiva u l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali ħarġu sett ta’ protokolli biex il-firxa tkun ikkontrollata.

Xi jgħidu dawn il-protokolli?

  • L-istaff u r-residenti jiġu swabbed b’mod frekwenti.
  • Darbtejn kuljum għandha tittieħed it-temperatura lil kull membru tal-istaff.
  • Il-ħaddiema f’dawn id-djar qed jintalbu jkunu responsabbli fil-ħajja privata tagħhom.
  • Kull membru tal-istaff irid jilbes il-maskra l-ħin kollu u għandu jsir il-ħasil tal-idejn neċessarju. Biex dan jiġi assigurat qed isir l-infurzar meħtieġ.
  • Se tiġi offruta wkoll it-tilqima tal-influwenza kemm lill-anzjani kif ukoll lill-ħaddiema.
  • Meta r-residenti fid-djar tal-anzjani jiġu swabbed, id-djar tal-anzjani jridu jżommu lill-qraba infurmati waqt il-proċess kollu.
  • Dawk ir-residenti li se jidħlu f’dar tal-anzjani mill-komunità, għandhom jinżammu 14-il ġurnata kwarantina filwaqt li r-residenti li jirritornaw id-dar tal-anzjani wara li ngħataw kura l-isptar għandhom jinżammu ħamest ijiem kwarantina.
  • Fil-każ ta’ anzjani li jkollhom xi appuntament outpatient, dawn jistgħu jirritornaw id-dar tal-anzjani iżda d-dar trid tagħmel il-kontrolli neċessarji biex tinduna mal-ewwel b’xi sintomi li jista’ jkollu r-resident.
  • L-anzjani għandhom iżommu l-grupp tagħhom u ma jitħalltux ma’ residenti f’sulari jew fi swali differenti. Dan biex jinżamm il-kunċett tal-bubble.

Żjarat lill-anzjani:

  • Fejn għandhom x’jaqsmu ż-żjarat lill-anzjani, l-Awtorità tirrakkomanda li għandhom jiġu segwiti l-istruzzjonijiet tad-djar rispettivi.
  • Wieħed għandu jżomm f’moħħu li jekk iħossu ma jiflaħx, allura m’għandux iżur lill-anzjani.
  • Waqt iż-żjarat, importanti li jintlibsu l-maskri jew il-visors filwaqt li m’għandux isir kuntatt fiżiku fl-ebda ħin.
  • Waqt iż-żjarat għandha tinżamm dejjem id-distanza filwaqt li l-persuni jibqgħu jikkomunikaw minn wara l-perspex.
  • Qabel u wara li ssir iż-żjara, il-viżitaturi jridu wkoll jissanitizzaw idejhom.
  • Iż-żona tal-viżta trid dejjem tiġi diżinfettata bejn żjara u oħra.
  • Id-djar tal-anzjani jridu jkunu mgħammra bit-teknoloġija neċessarja biex issir komunikazzjoni virtwali bejn l-anzjani u qrabathom.
  • Flimkien mat-teknoloġija, irid ikun hemm ukoll persuni mħarrġa li jgħinu lill-anzjani fl-użu ta’ din it-teknoloġija.

Dwar l-ikel:

  • Fejn għandu x’jaqsam l-ikel, jekk ikun hemm xi anzjani li jġibulhom l-ikel il-qraba, dan allura jsir f’kontenitur li jkun jista’ jew jintmesaħ inkella li jkun siġillat jew li jista’ jintrema.
  • L-ikel m’għandux jingħata direttament lill-anzjani iżda lill-persuni responsabbli fid-djar tal-anzjani.

Attivitajiet fid-djar tal-anzjani:

  • L-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali se tkun qed tassigura li dawn isiru b’mod frekwenti iżda b’mod sigur kull ġimgħa.
  • Kull membru tal-istaff irid jilbes il-maskra matul il-ħin kollu filwaqt li għandu jsir ukoll il-ħasil tal-idejn neċessarju.
  • F’każ li jintuża l-visor, dan irid jiġi sanitizzat ta’ sikwit.
  • Kull kap ta’ dar tal-anzjani għandu jiżgura li r-residenti joħorġu mid-dar biss għal appuntamenti mediċi jew meta jkollhom bżonn kura medika.

Dwar il-hairdressers:

  • Id-djar tal-anzjani jridu wkoll jidentifikaw żona għall-hairdresser li tkun tirrispetta d-distanza soċjali u l-iġjene.
  • Il-hairdresser għandu/għandha j/tagħmel użu minn personal protective equipment biex j/tiżgura s-sigurtà tar-resident. Biex dan ikun żgurat, diġà qed isir l-infurzar meħtieġ.