Aktar protezzjoni għaż-żgħażagħ fil-Knisja

Nhar it-Tlieta li għadda, l-Papa Franġisku, b’żewġ digrieti li ħareġ, mhux biss neħħa dak li jissejjaħ “is-sigriet pontifiċju” f’każi ta’ abbużi sesswali, imma wkoll għolla l-età fejn jidħol il-pusses ta’ pornografija tat-tfal skont il-liġi tal-Knisja għall-eta’ ta’ 18-il sena.

Esperti tal-Liġi Kanonika u tal-Liġi Ċivili, iqisu d-digriet li jgħolli l-età f’każi ta’ pusses ta’ pornografija minn saċerdoti minn 14 għal 18-il sena, bħala pass importanti ħafna li jagħti protezzjoni akbar liż-Żgħażagħ fi ħdan il-Knsija.

Pornografija

Filwaqt li l-Liġi Kanonika kienet tirreferi għall-minuri bħal dawk fl-età sa 14-il sena filwaqt li issa, bid-digriet tal-Papa ta’ nhar it-Tlieta, żdiedet għal 18-il sena u tiddefinixxi “pornografija tat-tfal” bħala “l-akkwist, il-pusses u t-tqassim minn saċerdot ta’ stampi pornografiċi ta’ minuri taħt l-età ta’ 18-il sena għal skop ta’ pjaċir sesswali, b’kull mezz u b’kull teknoloġija.

Bl-istess digriet il-Papa neħħa xi restrizzjonijiet li kien hemm li kien jippermettu biss lil saċerdoti biex jiddefendu lill-membri tal-kleru akkużati b’dan in-nuqqas u allura issa kull persuna kattolika li għandha kwalifika fil-Liġi Kanonika u li tkun approvata mill-ġudkant li jkun qed jisma’ l-każ, jista jservi bħala avukat difensur f’kawżi simili.

Din il-bidla hi skont bidliet oħra li saru fil-Liġi Kanonika fl-imgħoddi bħala dik li kien għamel il-Papa Benedittu XVI fl-2010 fejn kien emenda l-Ittra Appostolika tal-Papa San Ġwanni Pawlu II “Sacramentoru Sanctitatis Tutela” li kienet titkellem mill-protezzjoni u l-ħarsien tas-Sagramenti.

Aktar protezzjoni

Fi Frar li għadda, l-Papa Franġisku kien irrifera għall-possibiltà li togħla l-età tal-minuri fid-diskors li kien għamel f’għeluq il-laqgħa tal-Isqfijiet dwar il-Protezzjoni tal-Minisri li saret bejn il-21 u l-24 ta’ Frar fil-Vatikan.  Dakinhar kien qal li “Nikkunsidraw li din l-età għandha tiżdied biex inkabbru l-protezzjoni lill-minuri ħalli nuru l-gravità ta’ dawn l-atti”.

F’Lulju tal-2013 il-Papa Franġisku kien diġa’ ppromulga liġi tal-Belt tal-Vatikan dwar il-pornografija tat-tfal meta semma lil “kull persuna taħt l-età ta’ 18-il sena”.

Hu sinjifikanti wkoll li din il-bidla fl-età tal-minuri fejn jidħol ir-reat ta’ pornografija ta’ minuri, ġiet ukoll mad-deċiżjoni tal-Papa li jneħħi s-“sigriet pontifiċju” fejn jidħlu l-abbużi sesswali mill-kleru fuq minuri.

Madankollu it-tneħħija tas-“sigriet pontifiċju” li saret bl-iskop li l-każi ta’ abbużi jkunu rappurtati wkoll lill-awtoritajiet ċivili, bl-ebda mod ma taffettwa s-sigriet tal-Qrar li jibqa’ wieħed invjolabbli.