Aktar plastik milli kreaturi fil-baħar sal-2050 – studenti Maltin

L-istudenti tal-iskola Tarxien Middle School ħadu sehem fl-inizjattiva li ġġib l-isem Young Reporters for the Environment, fejn l-istudenti daħlu fl-irwol tal-ġurnalist sabiex permezz tar-riċerka u l-kitba jkabbru l-għarfien dwar l-ambjent. 
Dawn qajmu diversi punti interessanti fl-isfond tal-isfida li qeda taffaċċja d-dinja minħabba r-rimi tal-plastik. Fost l-aktar punti xokkanti, dawn sabu li sa ftit aktar minn 30 sena oħra fl-ibħra ta’ madwarna se jkun hemm aktar plastik milli kreaturi tal-baħar. 
Dan għaliex, mill-fliexken kollha li jiġu pproċessati fis-sena, anqas minn nofs biss jiġu rriċiklati. L-istudenti fakkru li l-plastik idum mijiet tas-snin biex jiddekomponi kollu.
Bil-għan li jagħmlu differenza fl-isfond ta’ dawn l-isfidi, l-istudenti jissuġġerixxu l-użu tal-fliexken tal-ħġieġ minflok tal-plastik, li jistgħu jinħaslu u jerġgħu jintużaw faċilment. 
Barra min hekk, din is-sena l-istess studenti ġabru mijiet ta’ tappijiet tal-fliexken tal-plastik sabiex jiġu rriċiklati bil-fondi jingħataw lill-Istrina.
L-iskola tal-lokal tiegħek tagħmel xi inizjattivi simili? Ibgħatilna imejl fuq info@newsbook.com.mt