​Aktar pieni ħorox għal min joqtol is-siġar

Il-Ministru għall-Ambjent José Herrera ħabbar illi se jkun qegħdin jiħraxu l-pieni skont il-livell tad-distruzzjoni, ir-rarità u t-tip ta’ protezzjoni bl-akbar pieni ħorox attribwiti għal min joqtol siġar protetti.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru qal li se jsiru numru ta’ emendi biex is-siġar jingħataw aktar protezzjoni.
Herrera stqarr li se jiddaħħlu 17-il speċi ta’ siġar oħra fil-listi ta’ siġar protetti kif ukoll qiegħed jiġi propost sabiex kull intervent fuq is-siġar protetti skont tabelli 1 u 2 tal-liġi, u dawk f’żoni pubbliċi urbani, iridu jsiru min-nies li għandhom liċenzja speċjalizzata, liema liċenzja ser jinfetħu korsijiet għaliha fix-xhur li ġejjin.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li hemm ukoll proposta għal emenda li biex isir xi intervent fuq dawn is-siġar irid isir qblil minn qabel mal-ERA fuq x’miżuri ta’ kumpens ser jittieħdu. Spjega wkoll li ċerti siġar invażivi mhux se jkunu jistgħu jiġu impurtati u li jiżdied l-kontroll fuq użu ta’ oħrajn.
Skont il-Ministru se tidaħħal ukoll estensjoni fin-natura tal-protezzjoni tas-siġar, sabiex titwessa’ id-definizzjoni hekk kif ippreżentata fil-liġi eżistenti fejn preżentament il-protezzjoni tingħata primarjament skont, in-natura tas-siġra, kif ukoll iż-żmien li għandha s-siġra jekk din tinsab f’ċerti lokalitajiet. Il-liġi li qiegħda tiġi proposta, se tkun qed tħares  wkoll lejn il-valur li s-siġar speċifiċi, li jinsabu fl-ispazju pubbliku urban, qegħdin joffru liċ-ċittadini fis-soċjetà.
Skont il-Ministru qed tikber aktar il-kuxjenza ambjentali fil-poplu Malti u kien għalhekk li nħasset il-ħtieġa li anke l-ispirtu ta’ din il-liġi tiġi żviluppata u emendata. Herrera qal li fil-jiem li ġejjin se tinfetaħ konsultazzjoni pubblika dwar dan kollu.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ittħawlu wkoll madwar 300 siġra f’Marsaxlokk.
Ritratt: DOI – Reuben Piscopo