Aktar nisa qed jaħdmu fis-servizzi pubbliċi – NSO

Read in English.

L-għadd tan-nisa li qed jaħdmu fis-servizzi pubbliċi jidher li qed jiżdied. Dan ħareġ fi stastika ġdida maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Din tħares lejn it-tieni kwart tal-2019.

Il-figuri juru li kien hemm iktar nisa jaħdmu fis-servizzi pubbliċi fit-tieni kwart tal-2019, filwaqt li l-għadd ta’ rġiel naqsu. L-istatistika turi li 3,000 mara qed jaħdmu fl-amministrazzjoni pubblika, difiża, l-edukazzjoni, s-saħħa umana u social work. Intant, fil-perjodu, l-irġiel naqsu b’1,000. Dan ifisser li issa hemm 34,473 mara taħdem fis-settur, meta kkumparat mal-31,288 fl-istess perjodu tas-sena 2018. Intant bħalissa s-settur jimpjega 24,403 irġiel, filwaqt li fl-istess perjodu s-sena li għaddiet kien hemm 26,117.

Intant jidher li fit-tieni kwart tas-sena 2019 naqsu l-għadd ta’ persuni li jaħdmu f’attivitajiet finanzjarji u ta’ assigurazzjoni. Skont il-Q2 Labour Force Survey for 2019, kien hemm 523 mara inqas taħdem fis-settur meta kkumparat mal-istess perjodu fl-2018. Dan it-tnaqqis jikkuntrasta maż-żieda fil-paga medja tan-nisa f’dan is-settur. Fejn fl-2018 kienu qed jitħallsu €18,049, fl-2019 il-paga żdiedet bi propju €4,618.

Min-naħa tagħhom, l-irġiel ukoll naqsu milli jaħdmu f’dan is-settur. L-istatistika turi li naqsu b’200 impjegat minn fuq is-sena ta’ qabel. Huma żdiedu b’€1,000 fejn tidħol paga, jiġifieri issa, il-paga medja ta’ raġel fis-settur hija dik ta’ €29,331.

Meta wieħed iħares lejn l-istampa kollha, ir-rapport jgħid li l-għadd ta’ persuni li huma impjegati fil-pajjiż żdied b’7%. Dan ifisser li issa hemm irreġistrata 251,700 persuna. Ftit aktar min-nofs il-popolazzjoni b’età ta’ 15-il sena jew aktar. 8,815-il persuna qed jidhru li mhumiex impjegati.

Intant, l-aktar persuni li kienu attivi ekonomikament kienu rġiel ta’ bejn 25 u 34 sena. Dawn koprew 95.8% tal-grupp partikolari, jiġifieri madwar 43,000 persuna.