Aktar nisa minn kull reliġjon qed ifittxu l-ippjanar naturali tal-familja

Studji riċenti juru li aktar nisa, ta’ diversi reliġjonijiet u mhux  biss insara, qed iwarrbu l-użu tal-pillola u qed ifittxu mezzi naturali biex jevitaw jew jippjanaw it-tqala tagħhom.
Il-ġimgħa li għaddiet kienet il-“Ġimgħa ta’ Għarfien għall-Ippjanar Naturali tal-Familja” li ħabtet mat-48 anniversarju tal-Enċiklika Humane Vitae tal-Papa Pawlu VI li fissret it-tagħlim tal-Knisja dwar il-qdusija tas-sesswalità umana.
Fl-Istati Uniti jidher li hemm żjieda fl-interess biex nisa jifhmu aħjar is-sinjali u s-sintomi tal-ġisem biex jippjanaw jew jevitaw it-tqala tagħhom. Dan jirriżulta minn studju li sar mill-Università ta’ Georgetown.
Il-Knisja Kattolika dejjem għallmet li l-kontraċezzjoni hi immorali għax tiddivorzja l-prokreazzjoni mill-att sesswali iżda fl-istess ħin approvat metodi ta’ ppjanar naturai tal-familja li permezz tagħhom il-koppja tibqa’ miftuħa għall-ħajja.
Permezz tal-ippjanar naturali, il-mara titgħallem tifhem iċ-ċiklu naturali ta’ kull xahar ta’ ġisimha. Billi ssegwi  kuljum is-sinjali tal-fertilità tagħha issir taf meta hi fertili jew le u allura tista’ tiddeċiedi jekk għandhiex tagħmel attivita’ sesswali biex toħroġ tqila.
Il-metodi moderni tal-ippjanar naturali tal-familja huma 99.6 % effettivi meta użati sew. Dan jikkompara tajjeb ħafna mar-riżultati li tagħti l-pillola, u ma jħallu ebda effetti oħra fuq il-ġisem anzi jgħinu lill-mara biex jekk ikollha xi problemi ta’ saħħa jkunu identifikati.
Dan l-aħħar, nisa ta’ twemmin reliġjuż differenti qed jiltaqgħu ma’ diffikultajiet b’metodi artifiċjali ta’ kontroll tat-twelid u bdew ifittxu metodi naturali.
Kemm l-Universita’ ta’ Utah kif ukoll dik ta’ Iowa, ukoll għamlu studji dwar dan is-suġġett u sabu li aktar nisa fl-Amerika qed jirrikorru għall-metodi naturali biex jippjanaw il-familji tagħhom.