Aktar nisa milli rġiel b’arranġamenti ta’ teleworking

Read in English.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) sab li hemm aktar nisa milli rġiel li qed jagħmlu użu minn arranġamenti tat-teleworking.

Dan ħareġ minn rapport ippubblikat mill-NSO dwar ir-rikonċiljazzjoni li fost affarijiet oħra jiġbor statistika dwar kif il-ġeneri differenti u nies ta’ etajiet differenti jqassmu r-responsabbilità ta’ kura u ħajja tax-xogħol tagħhom. Is-sors tad-data tal-pubblikazzjoni hija l-Labour Force Survey ta’ 2018.

Filwaqt li 17.4% tan-nisa kellhom arranġamenti ta’ teleworking, kien hemm 11.4% tal-irġiel li kellhom tali arranġamenti.

NSO

Skont l-informazzjoni miġbura f’Malta r-responsabbilitajiet ta’ childcare huma kważi maqsumin b’mod ekwu bejn il-ġeneri. Hemm 41,701 mara b’responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb lit-tfal filkwaqt li rġiel hemm 40,452.

Persuni b’responsabbilitajiet ta’ childcare kellhom 39 sena filwaqt li dawk li kienu qed iduru b’persuni akbar fl-età jew persuni b’diżabilita kellhom 48 sena.

Nisa b’responsabbilitajiet ta’ kura ħadmu medja ta’ 34.3 siegħa fil-ġimgħa, filwaqt li l-irġiel ħadmu 42.2 siegħa fil-ġimgħa. Kważi mara minn kull ħamsa naqset is-sigħat ta’ ħidma tagħha filwaqt li 12.7% tal-irġiel irrikorrew għal modi ta’ kif jistgħu jżidu d-dħul tagħhom.