Aktar nisa f’pożizzjonijiet għolja fil-Vatikan

REUTERS/Yara Nardi/File Photo

Il-Papa Franġisku ħatar żewġ nisa f’pożizzjonijiet għolja fl-istituzzjonijiet ċentrali tal-Knisja. Dan tħabbar mis-sit tal-aħbarijiet tal-Vatikan ftit tal-ġranet ilu.

Il-Professur Antonella Sciarrone Alibrandi, hi pro-rettur tal-Università Kattolika Sacro Cuore, ġewwa Milan. Hija nħatret bħala membru fl-awtorità kontra l-ħasil tal-flus, filwaqt li l-Professur Raffaella Vincenti nħatret bħala kap tal-Librerija Appostolika tal-Vatikan.

Il-Papa Franġisku fil-bidu ta’ din is-sena stqarr li l-mara “trid tkun parti integrali mill-proċessi tad-deċiżjoni fil-Knisja, għaliex meta l-mara tkun tista’ toffri d-doni tagħha, id-dinja tkun tista’ tgawdi minn aktar għaqda u aktar paċi.”

F’Jannar ta’ din is-sena l-Papa ħatar lil Francesca Di Giovanni bħala Sottosegretarju fis-Segreterija tal-Istat tas-Santa Sede, l-ekwivalenti tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Istat tal-Vatikan. B’responsabilità għas-sezzjoni tar-relazzjonijiet multi-laterali (bejn is-Santa Sede u pajjiżi oħra) din kienet l-ewwel darba li mara ngħatat kariga ta’ responsabilità daqshekk għolja u aktar u aktar fid-diplomazija Vatikana li dejjem kienet iddominata mill-qassisin.

Antonella Sciarrone 

Twieldet Milan fit-2 ta’ Mejju 1965 u gradwat fil-Liġi fl-1987. Għalliema tal-Liġi tal-Ekonomija, President tal-Assoċjazzjoni tal-Letturi fil-Liġi tal-Ekonomija. Għamlet riċerka fil-kummerċ ekwu u solidali bħala mudell ġdid ta’ kooperazzjoni internazzjonali, diġitalizzazzjoni fil-proċessi ta’ intermedjarji finanzjarji. 

Prof. Sciarrone esprimiet “gratitudni lejn il-Papa għall-fiduċja li wera fiha. Se nibda dan ir-rwol delikat li ntlabt inkopri, b’impenn u responsabilità u spirtu ta’ servizz għall-ġid tal-Knisja Universali.”

Fost oħrajn hi membru tal-Bord Akkademiku tal-Istitut Bankarju Ewropew u tal-Kumitat tekniku u xjentifiku tal-assoċjazzjoni tal-iżvilupp tal-istudji. Hi wkoll membru tal-konsulta tal-Cortile dei Gentili fi ħdan il-Kunsill Pontifiċju tal-Kultura u espert maġġuri fi ħdan ‘Finance and Humanity’, proġett tal-‘Economy of Francesco’.

Bħala żagħżugħa kienet parti mill-oratorju f’parroċċa ta’ Milan u f’intervista li tat ma’ ġurnal Taljan saħqet li hi “dejjem xtaqet xjenza ddominata mhux mill-algoritmi, imma minn ħaddiema.”

Raffaella Vincenti

Prof. Vincenti se tkun responsabbli mit-80,000 manuskritt li jagħmlu parti mil-Librerija Appostolika li apparti dawn il-manuskritti hemm ukoll arkivji ta’ dokumenti, pitturi, timbri, ritratti, muniti u medalji li nġabru mas-sekli u li huma sors kbir għall-istudjużi. Matul dawn l-aħħar snin inbdiet id-diġitalizzazzjoni ta’ dawn il-manuskritti biex jgħinu lill-esperti u l-istudji.