“Aktar nisa fil-Parlament tfisser demokrazija aktar b’saħħitha” – il-President ta’ Malta

Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca wissiet li bin-nuqqas ta’ rappreżentanti nisa fil-Parlament Malti d-demokrazija Maltija qed tiċċaħdilha l-opportunità li tissaħħaħ.
Il-President appellat liż-żewġ partiti sabiex iżidu r-rappreżentanza tan-nisa fil-parlament, sabiex ma jkunx hemm id-differenza kbira li hemm illum.
Waqt l-indirizz tagħha f’għeluq it-tliet snin mill-ħatra tagħha, hija rrimarkat li bħalissa 13% biss tal-Membri Parlamentari huma nisa. Aċċennat għall-fatt li biex f’70 sena ta’ parlament Malti ċ-ċifra hi daqshekk baxxa, mela rridu 300 sena oħra biex ikun hemm rappreżentanza ekwa ta’ nisa ma’ rġiel fil-parlament.
Dan id-diskors wasslitu quddiem il-mafkar tal-eks-President, Agatha Barbara, u anki fl-aħħar ippreżentat bukkett fjuri.
Hija siltet mumenti mill-ħajja ta’ Barbara li wrew li hi ma beżgħetx mit-tradizzjonijiet u mill-kultura ta’ dak iż-żmien, u kienet kuraġġuża biżżejjed biex tagħmel passi kbar u twitti t-triq għan-nisa Maltin.
Kompliet billi semmiet ix-xogħol li Barbara wettqet favur in-nisa, fosthom meta għolliet l-età tal-iskola obbligatorja għal 14-il sena fl-1955, u reġgħet għamlet l-istess għal 16-il sena fl-1971. Coleiro-Preca qalet li mingħajr dal-kisbiet, il-bniet Maltin kienu jibqgħu d-dar jaħslu flok jistudjaw.
Preżenti kien hemm Samantha Pace Gasan min-Network of Young Women Leaders, netwerk li tnieda mill-Fondazzjoni  tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Mara.  
Il-President enfasizzat it-tama li għandha f’dawn iż-żgħażagħ nisa li ngħaqdu magħha, u appellat sabiex kulħadd jagħtihom l-appoġġ mistħoqq.
Dan id-diskors tal-President jidwi l-ambjent diskursiv riċenti f’Malta dwar in-nisa f’pożizzjonijiet għolja, speċjalment f’dawk li jirrikjedu deċiżjonijiet importanti.
Kmieni dax-xahar, l-Aditus appellat għal kwoti biex jiżdied  in-numru tan-nisa f’karigi għoljin, partikularment fil-politika. Aktar tard, il-Prim Ministru semma li l-kwota hi miżura għal qasir żmien, iżda effettiva.
Mhux kollox ward u żahar. Id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttiġieġ kienet ikkwotat statistika li turi li Malta marret lura f'dak li għandu x'jaqsam mal-ugwaljanza tan-nisa fis-soċjetà.