“Aktar nisa fid-dinja tax-xogħol iwasslu għal soċjetà aktar sostenibbli” – President

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca sostniet li aktar kemm in-nisa jkollhom sehem attiv fis-soċjetà, aktar hemm ċans li s-soċjetà tkun sostenibbli u inklussiva.

Dan kien il-kliem tagħha waqt iċ-ċerimonja ta’ gradwazzjoni minn kors dwar ħiliet intrapreditorjali kkordinat mill-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa. Il-kors kien iffinanzjat mill-Fond għall-Għaqdiet Volontarji fi ħdan il-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF).

Il-President sostniet li kemm abbażi ta’ riċerka u anke mill-esperjenza tagħha personali, meta n-nisa jingħataw is-setgħa, jonqos il-faqar u l-prekarjat u għaldaqstant ikun hemm tkattir fil-benessri tal-komunità.

Fid-diskors tagħha, il-President talbet lill-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa sabiex ikompli x-xogħol tiegħu billi jinkoraġġixxi nisa jidħlu fid-dinja tan-negozji.