Aktar nies mill-Bank Pilatus investigati fl-Amerka

Id-Direttur mhux Eżekuttiv tal-Bank Pilatus, Mustafa Cetinel, ukoll qed jiġi investigat mill-awtoritajiet Amerikani wara l-każ taċ-Ċermen tal-bank, Ali Sadr Hasheminejad, li x-xahar l-ieħor ġie arrestat fl-Istati Uniti akkużat b’evażjoni tas-sanzjonijiet fuq l-Iran.
Madankollu s-sit Financial Times jirrapporta li d-Direttur mhux Eżekuttiv ma ġie akkużat b’xejn, minkejja l-investigazzjonijiet.
Skont is-sit, il-Bank Pilatus għandu madwar €300 miljun f’assi, u jirreferi għall-mistoqsija li għamlu diversi Ewroparlamentari dwaru, liema mistoqsijiet kienet għamlithom il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Fost l-oħrajn l-MEPs kienu staqsew kif jista’ jkun li persuna ta’ 32 sena li ma kellhiex esperjenza fil-qasam tal-banek fetaħ bank privat f’Malta b’dawn l-assi kollha?
Staqsew anki kif dal-bank irnexxielu jiftaħ fergħa oħra fir-Renju Unit, meta ċ-ċermen tiegħu kien qed jiġi investigat fl-Istati Uniti.
Il-każ imsemmi m’għandux x’jaqsam mal-Bank Pilatus, u allegatament seħħ qabel ma fetaħ f’Malta. Ali Sadr Hasheminejad ġie arrestat f’Virginia b’sitt akkużi serji fosthom ta’ parteċipazzjoni f’evażjoni tas-sanzjonijiet, frodi u ħasil tal-flus.
Il-prosekuturi qed jgħidu li Hasheminejad ħassel pjan biex bejn l-2006 u l-2014 jgħaddi b’aktar minn $115 miljun ġejjin minn proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali fil-Venezwela għal għand kumpaniji Iranjani b’banek minn pajjiżi tal-Punent.
Ftit jiem wara li seħħ l-arrest ta’ Hasheminejad f’Marzu li għadda, il-Pulizija Maltija kienet qalet li delegazzjoni mill-Istati Uniti għandha tasal Malta għal iktar diskussjonijiet dwar il-każ tal-arrest ta' sid il-Bank Pilatus.
Madankollu lbieraħ Newsbook.com.mt ikkuntattja lill-Korp, u qal li l-kuntatt mal-awtoritajiet Amerikani għadu fi stadju bikri, u ma setax jagħti aktar informazzjoni dwar fejn ipprogressaw it-taħditiet.