Aktar miżuri ta’ sigurta’ għal Ask.fm

Ask.fm se jħabbru miżuri ġodda ta’ sigurta’ u protezzjoni lil min juża dan is-servizz wara li żdiedu l-każi fejn żgħażagħ wettqu suwiċidju minħabba li sfaw ibbuljati fuq l-internet.

Ask.fm sostnew li wettqu rapport dwar kif jistgħu iżidu s-sigurta’ u se jinkludu servizz fejn wieħed jista’ jirrapporta xi forma ta’ abbuż.

Ask.fm se jimpjegaw ukoll iżjed persuni bħala moderaturi li se jkunu qed jiċċensuraw il-kummenti li jsiru.

Se jonqsu wkoll is-servizzi li għandhom persuni li ma jkunux irreġistrati ma’ dan is-servizz. It-tibdil se jidħol fis-seħħ f’Settembru li ġej. 

Missier Hannah Smith, li allegatament wettqet suwiċidju fl-eta’ ta’ 14-il sena wara li sfat ibbuljata fuq Ask.fm, sostna li dan it-tibdil huwa ferm meħtieġ biex tiżdied is-sigurta’ tal-persuni vulnerabbli li jagħmlu użu mill-internet. 

Intant f'Malta, fl-aħħar 10 xhur, il-pulizija Maltija qalet li rċeviet 27 rapport dwar abbuż mill-Ask.fm.