50% tal-persuni ttestjati f’Bergamo għandhom l-antibodies għall-coronavirus

FILE PHOTO: REUTERS/Flavio Lo Scalzo

Nhar it-Tnejn, l-awtoritajiet tas-saħħa fl-Italja ddikjaraw li skont riżultati ta’ servej li sar fuq għadd ta’ kampjuni, aktar minn nofs ir-residenti ttestjati fil-provinċja ta’ Bergamo, li tinsab fit-tramuntana tal-Italja, għandhom antibodies għall-coronavirus.

Minn testijiet tad-demm li saru fuq 9,965 resident bejn it-23 ta’ April u t-3 ta’ Ġunju, 57% kellhom antibodies li juru li kienu ġew f’kuntatt mal-coronavirus, skont ir-riżultati tal-istħarriġ.

L-awtoritajiet tas-saħħa f’Bergamo qalu li r-riżultati kienu bbażati fuq kampjun “każwali” li kien “wiesa’ biżżejjed” biex ikun indikatur affidabbli ta’ kemm il-persuna kienet ġiet infettata fil-provinċja, li kienet l-epiċentru tat-tifqigħa tal-pandemija fl-Italja.

Fi stqarrija separata maħruġa aktar tard, l-aġenzija għas-saħħa ta’ Bergamo qalet li l-parti l-kbira ta’ dawk li pparteċipaw fil-ġbir ta’ kampjuni kienu residenti li joqgħodu f’żoni li ntlaqtu l-agħar mill-pandemija. Bosta minnhom kienu diġà tpoġġew fi kwarantina, skont din l-istqarrija.

L-antikorpi nstabu fi ftit aktar minn 30% tal-10,404 operatur tas-saħħa li ġew ittestjati, għalkemm ġeneralment huma meqjusa aktar f’riskju minn persuni oħra.

F’rapport li nħareġ aktar kmieni f’Mejju, l-istitut għall-istatistika nazzjonali, ISTAT qal li n-numru ta’ mwiet f’Bergamo kien żdied b’568% f’Marzu meta mqabbel mal-medja għas-snin bejn l-2015-2019, biex b’hekk din kienet il-belt li ntlaqtet l-agħar fl-Italja f’termini ta’ mwiet.

L-isptarijiet f’din iż-żona kienu maħnuqa bil-pazjenti u b’persuni infettati, u minħabba li l-kmamar mortwarja ma setgħux ilaħħqu mal-ammont ta’ mwiet, għadd ta’ trakkijiet tal-armata kienu jagħmlu vjaġġi kontinwi biex iġorru l-mejtin tagħhom, u dan sar simbolu ta’ dieqa fi żmien il-pandemija globali għal din iż-żona.

Il-provinċja ta’ Bergamo rrappurtat 13,609 każijiet tal-coronavirus skont data uffiċjali maħruġa nhar it-Tnejn. 

L-ISTAT u l-Ministeru għas-Saħħa bdew kampanja nazzjonali ta’ ġbir ta’ kampjuni tad-demm, bil-għan li jittestjaw kampjun rappreżentattiv ta’ madwar 150,000 persuna, sabiex jippruvaw jifhmu l-estent tal-pandemija tal-COVID-19 fl-Italja.

L-Italja rrappurtat madwar 34,000 mewta minħabba l-coronavirus, b’madwar 235,000 każ ikkonfermat. Ir-reġjun tal-Lombardija, li jinkludi lil Bergamo, irreġistra aktar minn 16,000 mewta.