Aktar minn €36miljun minfuqa f’sena minħabba ħxuna żejda

Is-sena l-oħra l-ħxuna żejda swiet lil Malta spiża ta aktar minn €36 miljun. Dan joħroġ minn studju magħmul mill-kumpanija Price Waterhouse Coopers, fejn jispjega li din l-Ispiza mistennija li tizdied b'€5 miljun fis-sena sal-2022.
Dan it-tagħrif ingħata mill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne meta kien qed iwieġeb għad-domanda Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg.
L-istatistika turi li 66% tal-ispejjez jinkludu l-mediċina u l-kura fl-isptar. Żied jgħid li kważi 6% tan-nefqa nazzjonali fis-settur tas-saħħa hija marbuta mal-obeżità.
Ir-rapport jgħid ukoll li kwart tal-Maltin ’il fuq minn 15-il sena huma obeżi.
Spjega li r-rata ta’ obeżità, li ġiet ikkalkulata bil-BMI, żdiedet minn 23% fl-2002 għal 25% fl-2015.
L-istudju juri li l-problema tal-obeżità hija l-aktar fost dawk bejn 18 u 70 sena, fejn 34% tagħhom huma obeżi.
Din l-istatistika tpoġġi lil Malta ’l bogħod milli tilħaq il-mira 2020 li tniżżel ir-rata tal-obeżità għal 18%.