Aktar minn €25 miljun fuq l-istipendju fl-2016

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u l-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qalu li n-nefqa tal-Gvern fuq l-istipendju tas-sena li għaddiet kienet ta’ aktar minn €25 miljun.
Waqt li kienu qegħdin jindirizzaw għadd ta’ studenti fil-Borża ta’ Malta li bħalissa qegħdin jitħarrġu fil-finanzi, il-Ministri saħqu li l-Gvern żied l-investiment fis-sistema tal-istipendju b’aktar minn €3 miljun meta mqabbla mal-ammont investit fl-2012.
Barra minn hekk, il-Ministri rringrazzjaw lill-Borża ta’ Malta tat-taħriġ li qed tagħti lill-istudenti tal-MCAST fit-taqsima tal-accounts, l-immaniġġjar ta’ fond, is-servizzi finanzjarji kif ukoll ix-xogħol li jwettqu l-Borża ta’ Malta, l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta u l-Bank Ċentrali ta’ Malta.
Ritratt: DOI – Omar Camilleri