Aktar minn €2 miljun għat-tisbiħ tal-Imqabba u l-konservazzjoni tal-ilma tax-xita

Fix-xhur li ġejjin se jkun qed jibda proġett ta’ riġenerazzjoni fl-Imqabba li se jkun qed jiswa madwar €2.2 miljun.
Dan ħabbru l-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg waqt konferenza li matulha spjega kif il-proġett se jinkludi t-tisbiħ tal-qalba tar-raħal kif ukoll investiment f’ġibjuni u sistemi oħrajn ta’ water catchment. 
Apparti l-benefiċċji għar-residenti, l-proġett se jkun qed itaffi l-għargħar biswit il-ġibjun eżistenti, kif ukoll jgħin fil-ħarsien, konservazzjoni u użu mill-ġdid tal-ilma naturali tax-xita.
Il-Ministru spjega kif  bħalissa għaddej xogħol ta’ ppjanar u ġie approvat il-permess biex jinbena t-tieni ġibjun. Il-proġett huwa maqsum fi tliet fażijiet.

  • L-ewwel fażi tinkludi l-bini ta’ dan il-ġibjun ġdid u l-konverżjoni tal-ġibjun eżistenti f’wieħed soakaway.
  • It-tieni fażi tiffoka fuq bini ta’ sistema ta’ culverts li jwasslu l-ilma direttament lejn il-ġibjuni.
  • L-aħħar fażi se tinkludi t-tisbiħ u r-riġenerazzjoni tal-Pjazza tal-Imqabba biż-żona ta’ madwar il-Knisja tkun pavimentata.

Dr Borg qal li permezz ta’ dan il-pjan sħiħ għal-lokalità se jkunu qegħdin igawdu mat-3,000 persuna b’mod dirett.
Ħabbar ukoll li llejla ser issir l-inawgurazzjoni tal-Funtana tat-Tritoni u ta’ Pjazza Tritoni. Iċ-ċerimonja tibda fis-6:00pm.