Aktar minn €18-il miljun miġbura għan-nirien fl-Awstralja permezz ta’ Facebook

A Tuncurry fire crew member fights part of the Hillville bushfire south of Taree, in the Mid North Coast region of NSW, Australia, November 12, 2019. AAP Image/Darren Pateman/via REUTERS

Kampanja ta’ donazzjonijiet li nbdiet fuq Facebook ġabret sa issa aktar minn €18-il miljun sabiex jittaffew ftit mill-ispejjeż li n-nirien li ħakmu lill-Awstralja qed jikkawżaw lil għexieren ta’ persuni li tilfu darhom u dawk li qed jaħdmu sabiex iwaqqfu dawn in-nirien.

Fuq Facebook, Celeste Barber li hija kummidjanta magħrufa fl-Awstralja bdiet talba sabiex il-pubbliku madwar id-dinja kollha jagħti donazzjoni li se tmur għand The Trustee for NSW Rural Fire Service & Brigades Donations Fund. Hi insistiet li kull kontribuzzjoni tgħodd. Din il-kampanja bdieta fit-3 ta’ Jannar 2020 u fi ftit inqas minn tliet ijiem għaqdet lid-dinja kollha sabiex tissapportja l-Awstralja.

Hi xerrdet ukoll filmat tal-kunjata tagħha Joy Robin wara li ġiet evakwata minn darha f’Eden. Fil-filmat, Robin sostniet li dawn in-nirien huma l-gwerra tal-Awstralja. Sostniet li hi qed tħossha abbandunata mill-Gvern li suppost qed jipproteġiha. Sostniet li t-taxxi tħallashom bħal kull ċittadin ieħor.

Kienu bosthom l-entitajiet u l-għaqdiet fl-Awstralja u madwar id-dinja li ppruvaw isibu modi ta’ kif jistgħu jgħinu sabiex tittaffa din il-ferita. Il-President ta’ JCI Australia, Keirin McCormack, spjegat li filwaqt li tinsab ferm imħassba dwar il-membri tal-għaqda nnifisha li kollha jinsabu fil-viċinanzi taż-żoni affetwati min-nirien, l-għaqda bdiet ukoll fundraisers onlajn b’risq ir-Red Cross u l-WIRES. L-għaqda Junior Chamber International, li hawn fergħa tagħha f’Malta wkoll, taħdem ma’ persuni bl-etajiet bejn 18 u 40 sena sabiex tagħtihom l-opportunità jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom bħala mexxejja u jgħinu lill-komunitajiet tagħhom jiżviluppaw.

JCI Australia qed taħdem sabiex minbarra li tgħin tiġbor fondi għall-għaqda Red Cross, tgħin ukoll lill-NSW Wildlife Information, Rescue and Education Service Inc (WIRES). Din l-entità taħdem mal-annimali li jgħixu fis-selvaġġ u bħalissa tinsab għaddejja b’ħidma intensiva hekk kif in-nirien ħasdu l-ħajja ta’ għexieren ta’ annimali selvaġġi, inkluż kangaroos u orsijiet koala.

Jekk tixtieq tagħti donazzjoni permezz ta’ Facebook għafas hawn. Tista’ tgħin lir-Red Cross fl-Awstralja minn hawn, kif ukoll lil WIRES minn hawn.