Aktar minn €10,800 f’siegħa

Għal sena oħra Claire Agius Ordway iddedikat programm tagħha mis-sensiela Dak Li Jgħodd li jixxandar fuq l-istazzjon One biex ikunu jistgħu jinġabru flus biex jitqasmu lil min hu fil-bżonn.

Din is-sena huma s-sorijiet tal-Ursolini u Fran Diegu li se jkunu qed jibbenefikaw minn dawn il-flus.

Matul is-siegħa li dam għaddej il-programm, bejn il-5 u s-6pm, inġabru aktar minn €10,800 u telefonati baqgħu għaddejjin.

“Ninsabu kuntenti bir-rispons li kelna f’din is-siegħa,” ikkummentat Claire Agius Ordway ma’ newsbook.com.mt.

Il-linja għad-donazzjoni għadhom miftuħin

Id-donazzjonijiet li kienu qed jintlaqgħu kienu ta’ €5 u s-somma mistennija li tkompli titla’ aktar.

“Hekk hu, il-linja se jibqgħu miftuħin anki minħabba li matul il-ġranet li ġejjin se tkun qed issir ripetizzjoni ta’ dan il-programm u għaldaqstant inħeġġu lil dawk li għadhom ma għamlux id-donazzjoni tagħhom biex ma jitilfux iċ-ċans biex b’sempliċi €5 jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ dawn it-tfal,” kompliet tgħid Claire.

“Ma nistax ma nirringrazzjax lil dawk kollha li għenu diġà bid-donazzjoni tagħhom. Grazzi mill-qalb tal-ġenerożità tagħkom biex nilġqu l-għan tagħna biex inkunu ta’ għajnuna f’isimkom. Grazzi!” ikkonkludiet Claire.