Aktar minn 9,000 multa tal-assenteiżmu tat-tfal mhux imħallsa

children-going-to-school
Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Bryon Camilleri fil-Parlament ippreżenta statistika li turi l-ammont ta’ multi li weħlu l-ġenituri minħabba li wliedhom ma attendewx l-iskola. Bejn l-2016 u l-2019 ġew mgħottija 10,560 multa li minnhom 9,046 ma tħallsux.

L-istatistika turi li fis-sena skolastika 2016 – 2017 ngħataw 4,264 multa li minnhom ma tħallsux 3,689 b’valur ta’ €185,402.56. 230 multa fl-istess sena tħallsu filwaqt li 7 għadhom qed jistennew deċiżjoni u 338 ittieħdet deċiżjoni fuqhom iżda għadhom ma tħallsux.

Fis-sena skolastika 2017 – 2018 ngħataw 4,198 multa li minnhom 85.5% ma tħallsux. Il-valur ta’ dawn il-multi jammonta għal €176,474.86, 3% tħallsu, 0.07% għad trid tittieħed deċiżjoni fuqhom filwaqt li 10.9% ittieħdet deċiżjoni iżda għadhom ma tħallsux.

Matul is-sena 2018 – 2019  b’kollox ingħataw 2,098 multa li minnhom ma tħallsux 1,766 b’valur ta’ €84,495.30. 80 multa b’valur ta’ €2,093.54 tħallsu filwaqt li 244 multa ittieħdet deċiżjoni fuqhom iżda għadhom ma tħallsux.

Il-Ministru Camilleri kien qiegħed iwieġeb il-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo.