Aktar minn 9,000 formola tat-tmiem tal-impjieg sottomessi f’April – Bonnici

Read in English.

Bejn l-1 u s-26 ta’ April il-JobsPlus irċeviet total ta’ 9,116 formola tat-tmiem tal-impjieg. Dan qalu l-Ministru għax-Xogħol Owen Bonnici hu u jwieġeb mistoqsija parlamentari tal-Membru Parlamentari Claudio Grech.

Grech talab lill-Ministru Bonnici jgħid kemm ġew sottomessi formoli tat-tmiem tal-impjieg lill-JobsPlus fix-xhur ta’ Diċembru tal-2019, Jannar, Frar, Marzu u April tal-2020.

Il-Ministru Bonnici spjega li x-xahar li fih kienu sottomessi l-aktar formoli kien dak ta’ Jannar tal-2020 b’total ta’ 9,707 formoli. Intant, f’Diċembru tal-2019, kien hemm total ta’ 5,940 formola. Fi Frar tal-2020 kien hemm total ta’ 7,678 formola, filwaqt li f’Marzu kien hemm total ta’ 8,397 formola sottomessi.

Kemm inħarġu liċenzji tax-xogħol?

F’mistoqsija separata, il-MP Grech staqsa lill-Ministru għax-Xogħol dwar kemm inħarġu liċenzji tax-xogħol mill-JobsPlus sena b’sena mill-2013 ‘il quddiem skont in-nazzjonalità tal-persuni inkwistjoni.

Is-sena li fiha ħarġu l-aktar liċenzji tax-xogħol kienet fl-2013 fejn ħarġu total ta’ 7,418. 1,055 liċenzja minnhom kienu għal persuni ġejjin mill-Filippini. 723 liċenzja ħarġu għal persuni ġejjin mill-Bulgarija, filwaqt li total ta’ 719-il liċenzja kienu għal persuni ġejjin mis-Serbja.

Matul l-2015 inħarġu ammont żgħir ta’ liċenzji meta kkumparat mas-snin l-oħrajn. B’kollox matul dik is-sena nħarġu 2,522 liċenzja. Matul din is-sena, l-akbar numru ta’ liċenzji maħruġa kienu għal persuni li ġejjin min-Niġerja, b’total ta’ 316.

L-għadd ta’ persuni liċenzjati biex jaħdmu f’Malta matul is-snin kien simili fejn jidħlu persuni li ġejjin min-Niġerja, b’medja ta’ 322 persuna tapplika għal-liċenzja kull sena. Numri simili jidru fejn jidħlu persuni ġejjin mill-Mali u mill-Kosta tal-Ivorju.

Is-sena li l-inqas ħarġu liċenzji tal-impjieg hija propju din is-sena, bir-raġuni prinċipali tkun dik li s-sena għadha ma waslitx fi tmiemha. Iżda wkoll li kien hemm inqas applikazzjonijiet sottomessi minħabba li mhux qed jitħallew jidħlu aktar persuni fil-pajjiż u bil-wisq inqas japplikaw għal-liċenzji tal-impjieg kawża tal-pandemija tal-coronavirus. S’issa, il-JobsPlus ħarġet total ta’ 1,977 liċenzja ta’ impjieg matul din is-sena bl-akbar għadd ta’ persuni ġejjin mill-Gambja.