Aktar minn 800 rapport dwar ħwienet li kisru l-liġi tal-VAT

Saru 821 rapport dwar ħwienet li kisru l-liġi tal-VAT, skont il-Ministeru għall-Finanzi.

Kelliem għall-Ministeru għall-Finanzi qal lil Newsbook.com.mt li saru madwar 7,000 spezzjoni tal-VAT bejn Ottubru 2018 u Ottubru 2019.

Waqt dawn l-ispezzjonijiet saru 821 rapporti ta’ ħwienet li kienu qed jiksru xi regola tal-VAT. Dawn jinkludu n-nuqqas ta’ ħruġ ta’ rċevuta u li ħanut ma jkunx reġistrat għall-fini tal-VAT kif suppost.

Mistoqsi jekk l-uffiċjali tal-VAT ikunux lebsin uniformi jew jekk ikunux pajżana, il-kelliem qal li skont il-liġi spettur tal-VAT jidentifika ruħu permezz ta’ card awtorizzata.

Skont il-Kummissjoni Ewropea, taxxi tal-VAT mhux miġbura fl-2016 f’Malta kienu jlaħħqu mal-€20 miljun.