Aktar minn 800 dar restawrati b’għajnuna mill-Gvern

Aktar minn 800 persuna ngħataw l-għajnuna mill-Gvern biex jirrestawraw il-faċċata tad-dar tagħhom.
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li kien hemm 809 benefiċjarji eliġibbli għall-iskema “Irrestawra Darek”, kemm ilha li fetħet fl-2016.
Spjega li sa l-aħħar tas-sena li għaddiet, kien hemm 26 benefiċjarju li bbenefikaw minn total ta’ €127,324.15, filwaqt li qal li bħalissa ma hemmx talbiet għall-pagamenti pendenti.
Il-Ministru ppubblika dawn il-figuri fil-Parlament għall-mistoqsija tad-deputat Laburista Alex Muscat. Muscat staqsa wkoll dwar kemm minn dawn li bbenefikaw huma first-time buyers.
Il-Ministru Borg qal li first-time buyers kien hemm 266, jiġifieri aktar minn 30% tal-applikanti eleġibbli. 
Żied jgħid li hemm 135 każ ieħor fl-iskema li bħalissa għaddej ix-xogħol ta’ restawr. Spjega li dawn qed jiġu moniterati mill-Awtorità tal-Ippjanar biex jiġi assikurat xogħol ta’ kwalità.