Aktar minn 80,000 persuni jżuru n-Notte Bianca

Kienu iktar minn 80,000 persuni li żaru d-disa’ edizzjoni tal-avveniment annwali, in-Notte Bianca. Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca kienet waħda minn dawk li attendiet din is-serata.
In-Notte Bianca, li ssir fil-Belt Valletta, hi pjattaforma għal iktar minn 100 artist, uħud minnhom fil-bidu tal-karriera tagħhom, u toffri spazju nazzjonali għal numru ta’ proġetti.
Permezz ta’ dan l-avveniment, il-belt kapitali ta’ Malta u l-irħula tal-madwar jittrasformaw ruħhom f’postijiet miftuħa għall-kultura.
Għall-ewwel darba, din is-sena sar attentat speċjali sabiex Notte Bianca toħroġ mill-Belt Valletta bil-proġett tal-Bieb tal-Bombi, li nfetħu għall-pubbliku. Hemm wieħed seta’ jara dan il-monument storiku minn perspettiva differenti.
Attrazzjoni oħra ġdida kienet fi Pjazza Indipendenza, li tat l-opportunità lill-persuni jdoqqu l-qniepen fil-knisja Karmelitana u l-Katidral Anglikan ta' San Pawl.
Wieħed seta’ jżur ukoll numru ta’ siti li kienu miftuħa għall-pubbliku, fosthom il-Palazz tal-President, il-Parlament, uffiċċji tal-Gvern, u knejjes.
 

Ritratti: DOI –  Clifton Fenech