Aktar minn 7,000 Għawdxi jaħdmu Malta

Aktar minn 7,000 Għawdxi jaħdmu Malta.

Dan ħareġ f’laqgħa li kellhom rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni tal-Impjegati Għawdxin f’Malta mal-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, Dr Alfred Sant.

Huma spjegaw ukoll li hemm 3,000 Għawdxi u Għawdxija jaħdmu fis-settur privat, filwaqt li 4,000 jaħdmu fis-settur pubbliku.

Waqt il-laqgħa talbu lil Dr Sant sabiex itella’ l-vuċi tagħhom fuq livell Ewropew.

Żagħżugħ spjega kif waħda mill-akbar problemi hija li jkollhom jivjaġġaw ta’ kuljum minn Għawdex għal Malta. Irrimarka li “l-ispejjeż tat-trasport dejjem jiżdiedu. Nikkalkolaw li nitilfu 48 ġurnata kull sena nivvjaġġaw bejn iż-żewġ gżejjer għax-xogħol.”

Għaldaqstant Sant stieden liż-żgħażagħ biex jagħmlu studju dwar il-problemi u l-ispejjeż tat-trasport u jipproponu soluzzjonijiet għall-konsiderazzjoni tal-awtoritajiet.

Sant qalu ukoll li qed jaħdem ma’ MEPs minn gżejjer Ewropej biex il-vuċi ta’ dawk li jgħixu fil-gżejjer u fil-periferija tal-Ewropa tasal bi proposti konkreti quddiem il-Kunsill Ewropew.