Aktar minn 700 ilment b’rabta mas-servizzi finanzjarji matul l-2012

Matul is-sena li għaddiet, saru aktar minn 700 mitt ilment formali u aktar minn 200 inkjesta formali mit-taqsima tal-konsumatur b’rabta mas-servizzi finanzjarji. L-istess taqsima tassisti wkoll lill-MFSA sabiex tidentifika kwistjonijiet li jistgħu jaffettwaw il-kunfidenza tal-konsumatur u oħrajn li jwasslu għad-detriment tal-konsumatur.

Fir-rapport għas-sena li għaddiet, maħruġ mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, intqal li l-istess taqsima rċiviet ukoll aktar minn 1,700 telefonata mill-konsumaturi dwar diversi suġġetti. Jirriżulta wkoll li fost it-total ta’ 884 każ li ġew konklużi, hemm ukoll numru ta’ każijiet mis-snin preċedenti filwaqt li 209 każi baqgħu pendenti.

Hu rrappurtat ukoll li matul is-sena li għaddiet, l-ilmenti relatati mal-investiment jammontaw għall-maġġoranza tal-ilmenti li jaslu lit-taqsima tal-konsumatur, b’xi investituri jallegaw li tul il-perjodu li kienu ggwidati, ma kienux infurmati dwar xi kriterji partikolari.