Aktar minn 70,000 qasmu l-fliegu waqt Santa Marija

L-għadd ta’ persuni li qasmu l-fliegu matul nofs Awwissu, partikolarment, matul il-ġimgħa ta’ Santa Marija, kien jammonta għal aktar minn 70,000. Dan juri żieda ta’ 3% fuq is-sena li għaddiet u saħansitra żieda akbar fuq is-sentejn ta’ qabel. Filfatt, dan l-ammont ta’ passiġġieri juri żieda ta’ 9% fuq kemm żaru Għawdex fl-2012 u żieda ta’ 13% fuq l-2011.
Dawn il-figuri ħarġu waqt żjara ta’ korteżija li l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo għamel f’bosta lukandi u ħwienet. Flimkien mal-Ministru kien hemm ukoll Joe Muscat president tal-Gozo Tourism Association (GTA) u Michael Grech president tal- Gozo Business Chamber (GBC).
Matul l-istess perjodu, il-Gozo Channel għabba xejn inqas minn 18,000 vettura, iġifieri żieda ta’ 2.5% fuq is-sena li għaddiet.
Għal kull vjaġġ, fil-ġimgħa ta’ Santa Marija (2014) l-Gozo Channel għabbiet 292 passiġġier filwaqt li fit-2011 għabbiet 254 passiġġier.  Għabbiet medja ta’ 74 vettura mqabbel ma’ 64 vettura fl-istess ġimgħa fit-2011.
Fis-sena 2013, it-total tal-iljieli li t-turisti barranin qattgħu fil-gżira Għawdxija, laħqu 972,000.  Is-settur turistiku Għawdxi huwa kunfidenti li għall-ewwel darba fl-istorja,  din is-sena (2014) Għawdex se jkollu record t’iktar minn miljun turist barrani.