Aktar minn 680 każ ġdid ta’ vjolenza domestika identifikat f’sena

Matul l-2019, il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali rat 683 każ ġdid ta’ vjolenza domestika minn total ta’ 1,324 każ li ħadmet fuqu.

Dan qalu l-Ministru għall-Familja Michael Falzon hu u jwieġeb mistoqsija parlamentari. Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Claudette Buttigieg staqsiet għall-istatistika bejn l-2014 u l-2019 fejn jidħlu każi ta’ vjolenza domestika. Hi staqsiet ukoll kemm kien hemm persuni f’kull każ, kemm minnhom kienu ġodda, l-etajiet u l-ġeneru.

Il-Ministru Falzon qal li meta wieħed iħares lejn il-figuri se jara żieda fil-każijiet irrappurtati. Qal li dan minħabba li żdiedet il-ħidma għal għarfien akbar fost il-pubbliku dwar il-vjolenza domestika. B’hekk iż-żieda ma tfissirx li neċessarjament kien hemm żieda drastika fil-każi, iżda li aktar persuni li qabel forsi kienu jibqgħu siekta, tkellmu u fittxew l-għajnuna.

Hu rrimarka li l-Ministeru u l-Fondazzjoni żiedu r-riżorsi fil-qasam tal-vjolenza domestika. Qal li bejn l-2013 u l-2019 kienu rduppjati r-riżorsi umani fil-qasam tal-vjolenza domestika fi ħdan l-FSWS minn 23 għal 47.

Fl-2014, kien hemm total ta’ 681 każ li ħadmet fuqu l-FSWS. Fl-2015, il-każi telgħu għal 689. Fl-2016 kien hemm 718. Fl-2017 kien hemm total ta’ 971. Fl-2018 kien hemm total ta’ 1,007 każi u fl-2019 kien hemm total ta’ 1,324.

Mill-1,324 każ fl-2019, 683 kienu każi ġodda, 68 kienu każi passati li ħadmet magħhom l-FSWS u ngħalqu u 573 kienu każi li kienu magħrufin mis-snin ta’ qabel u x-xogħol magħhom kien għadu għaddej. L-FSWS għenet total ta’ 1,300 individwu matul l-2019.

Meta wieħed iħares lejn l-individwi skont il-ġeneru, jidher li kien hemm taħlita ta’ rġiel u nisa, iżda l-maġġoranza tal-vittmi ta’ vjolenza domestika jibqgħu n-nisa. Jekk wieħed iħares lejn l-2019, jara li total tan-nisa li għenet il-fondazzjoni kien ta’ 1,219, filwaqt li rġiel kien dak ta’ 81.

Tħassib ta’ ħafna huwa dak li vittmi ta’ vjolenza domestika li huma rġiel idumu ħafna aktar ma jitkellmu minħabba l-isterjotipi soċjali li jpoġġu lil mara f’pożizzjoni aktar debboli u lir-raġel li dejjem irid ikun b’saħħtu. Meta tħares lejn l-istatistika pprovduta fil-Parlament, tidher qabża fejn jidħlu rġiel li rċevew l-għajnuna tal-FSWS fl-aħħar sena meta kkumparat mas-snin ta’ qabel. Bejn l-2014 u l-2018, il-medja ta’ rġiel kienet ta’ 14 f’sena. Fl-2018 il-każi telgħu għal 35, u fl-2019 il-każi qabżu għal 1,219.

Meta wieħed iħares lejn l-etajiet, jidher li l-akbar ammont ta’ każijiet huma marbutin ma’ persuni li għandhom bejn il-35 u l-39 sena, segwit minn persuni li għandhom bejn 40 u 44 sena. L-FSWS għenet f’każi li jinvolvu minorenni, iżda kienu fil-maġġorparti tagħhom ftit. Matul l-2014 kien hemm erba’ każi li fihom kienu involuti tfal ta’ taħt is-17-il sena. Fl-2015 u fl-2016 kien hemm total ta’ żewġ każi. Fl-2017 kien hemm każ wieħed u fl-2018 xejn. Intant l-akbar għadd kien ta’ ħamsa, fl-2019.

Vjolenza fuq l-anzjani jidher li hija realtà oħra u waħda sostanzjali fil-pajjiż. Infatti, 167 persuna mgħejjuna mill-FSWS matul l-2019 kienu persuni ta’ 60 sena jew aktar.