5,000 ħaddiem f’NGOs bżonn appoġġ finanzjarju – NGOs

14-il Għaqda Mhux Governattiva lbieraħ iltaqgħu mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u Deputat tal-PN, fejn saħqu li aktar minn 5,000 ħaddiem fi ħdanhom jeħtieġu appoġġ finanzjarju.

Fi stqarrija, il-PN qal li l-għaqdiet spjegaw kif l-imxija tal-coronavirus poġġiet piżijiet u sfidi kbar fuq l-operat tagħhom. Dr Adrian Delia, filwaqt li rringrazzja lill-għaqdiet mhux governattivi kollha f’Malta, wiegħed li din l-inizjattiva se tkun bidu ta’ sensiela ta’ laqgħat li l-PN se jkun qed jorganizza, sabiex filwaqt li jisma’ l-isfidi u d-diffikultajiet li jiffaċċjaw, ikompli jkun il-vuċi u t-tarka tagħhom.

L-għaqdiet kienu l-Kunsill Nazzjonali tal-Għaqdiet Volontarji, Creche, Caritas, Fondazzjoni Nazzareth, Fondazzjoni Oasi, Djar Osanna Pia u Mamma Margerita, Fondazzjoni Suriet il-Bniedem, Id-Dar tal-Providenza, Richmond Foundation, Fondazzjoni Sebħ, Fondazzjoni St Jeanne Antide, Dar Merħba Bik, Fondazzjoni Suret il-Bniedem u l-Assoċjazzjoni tal-Għaqdiet Mhux Governattivi Għawdxin. Matul il-laqgħa ħadet sehem u intervjeniet ukoll il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca.

Għal din il-laqgħa li kienet ikkordinata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Għaqdiet mhux Governattiv Robert Cutajar, ħadu sehem ukoll il-Viċi Kap tal-PN David Agius flimkien mad-Deputati Ivan Bartolo, Maria Deguara, Claudette Buttigieg u Chris Said. Attenda wkoll is-Segretarju Ġenerali tal-PN Francis Zammit Dimech.