Aktar minn 500 persuna jaħdmu fl-industrija tal-yachting

Aktar minn 500 persuna jaħdmu fl-industrija tal-yachting f’Malta.

Dan qalu s-Segretarju Parlamentari Edward Zammit Lewis waqt seminar dwar il-yachting. Żied jgħid li Malta għandha l-potenzjal li ssir ċentru marittimu ta’ eċċellenza ewlieni.

Saħaq li s-setturi tal-jottijiet u s-super jottijiet għandhom potenzjal eċċellenti u li jekk jittieħdu deċiżjonijiet tajba issa, ikun possibbli li Malta tkompli żżid l-ishma tagħha fis-suq.

Qal li l-Gvern huwa impenjat li jidentifika ż-żoni li jistgħu jiġu trasformati u żviluppati f’faċilitajiet aktar moderni relatati mas-servizz industrijali tal-jottijiet.

Sostna li l-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u żoni oħra għandhom joffru sfond għal aktar investiment.

Is-Segretarju Parlamentari għamel referenza għas-sejħa ta’ interess li ħarġet dan l-aħħar għall-żvilupp ta’ ċentru marittimu fis-sit fejn kien hemm ix-Shipbuilding fil-Marsa.