Aktar minn 50 tifel u tifla qed jistennew familja

Read in English.

Bħalissa hemm ‘l fuq minn 50 tifel u tifla t’etajiet varji li qed jistennew li jkollhom familja. L-etajiet ivarjaw minn trabi sa adoloxxenti. B’hekk l-isfida biex jinstabu aktar familji li jiftħu djarhom għal tfal li għandhom bżonn ħarsien alternattiv tibqa’ kurrenti.

Fil-Jum Internazzjonali għat-Tfal, il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsein Soċjali (FSWS) ħabbret li għaddeja b’ħidma biex jitwaqqfu żewġ aġenziji ġodda għat-tfal; Aġenzija għall-protezzjoni tat-tfal u Aġenzija għal Servizzi tat-Tfal fosthom dawk f’ħarsien alternattiv.

Is-servizz tal-ħarsien tat-tfal, li jsegwi lit-tfal kollha li jgħixu f’ħarsien alternattiv, din is-sena wettaq ħidma fl-operat tiegħu biex sar tibdil fil-mod kif isir l-ippjanar għat-tfal u tissaħħaħ fir-rapporti mħejjijja li jiffukaw aktar fuq għanijiet u perjoodi ċari stipulati.

L-FSWS għamlet investiment sħiħ fi djar residenzjali fejn bħalissa qed iżżomm mat-30 tifel u tifla fihom. Id-djar huma mxerrdin ma’ Malta bl-iskop li t-tfal ikunu qed jgħixu f’numri żgħar ħafna, f’ambjent simili għal dak ta’ familja u fil-komunità.

L-FSWS għaddejja kontinwament b’ħidma biex dejjem ikunu mħarsa d-drittijiet tat-tfal u jkomplu jissaħħu s-servizzi offruti tagħhom biex ikunu protetti minn kull forma ta’ abbuż.