Aġġornata (3): 55 Malti u Maltija jaslu mil-Libja

21:35
Jasal Malta mill-ajruport ta' Labraq qrib Bengażi, it-tieni ajruplan tal-Medavia b'14-il Malti abbord. 
19:00
Jasal Malta mil-Libja l-ewwel ajruplan tal-Medavia b'41 Malti abbord. It-titjira l-oħra mistennija tasal Malta għal ħabta tad-8.45pm.
18:20
55 Malti mistennija jaslu Malta llejla mil-Libja fuq żewġ titjiriet tal-Medavia, waħda minn Mitiga u l-oħra minn Labraq.
Abbord it-titjira minn Mitiga se jkollha 41 Malti abbord meta l-ajruplan jesa' 70 passiġġier, filwaqt li dik li se tħalli l-ajruport ta' Labraq se jkollha 14-il Malti abbord. B'hekk il-Libja fadal madwar 40 Malti li ma jridux jiġu Malta. 
Dan ħabbru s-Segretarju Permanenti Ewlieni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mario Cutajar f'laqgħa mal-ġurnalisti. Cutajar qal li żewġ persuni sabuha diffiċli biex jivvjaġġaw minn Tripli għal Mitiga minħabba r-roadblocks. Jekk ma jilħqux jaqbdu t-titjiriet skedati mill-Gvern, se jagħmlu arranġamenti oħra. Fl-ispazju żejjed fuq l-ajruplan,jista' jintela' minn ċittadini Ewropej ġejjin minn pajjiżi diversi.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li hemm dewmien fit-titjiriet li kellhom jitilqu għal ħabta tal-5.15pm. Saħaq li d-dewmien mhux relatat maż-żewġ Maltin li kienu għadhom ma waslux.
Mario Cutajar spjega kif bejn ilbieraħ u llum, minn meta ttieħdet id-deċiżjoni li l-Gvern iġib Malta lill-Maltin li hemm fil-Libja, dawn bdew jiġu kkuntattjati. Qal li dawn jinkludu l-ħaddiema fuq ir-riggijiet taż-żejt. Saħaq li ċ-ċentru ta' kriżi baqa' jopera 24 siegħa kuljum, iżda issa għalkemm se jibqa' jopera, mhux se jkun qed jagħmel kuntatti mal-Maltin, iżda jistenna lill-Maltin jikkomunikaw meta jkollhom bżonn. 
Qal li l-membri tal-konsolat se jiġu Malta fil-jiem li ġejjin, iżda l-Ambaxxatur se jibqa' hemm.
Aktar kmieni
Illum waranofsinhar, mistennija jaslu Malta 54 Malti mil-Libja, li se jitilqu mill-ajruport ta’ Mitiga u ta’ Bengażi.  
43 Malti se jitilqu mill-ajruport ta' Mitiga waqt li 11 oħra se jitilqu minn Bengażi.
Iż-żewġ titjiriet se jsiru permezz ta' ajruplani tal-Medavia u se jitħallsu mill-Gvern Malti.
Kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal ma’ Newsbook.com.mt li għadu mhux magħruf il-ħin eżatt tat-titjiriet għax l-ajruplani se jibqgħu jistennew ftit ieħor fl-ajruport f’każ li fl-aħħar minuta jkun hemm aktar Maltin jitħajru jiġu lejn Malta.
Il-Maltin fil-Libja għadhom qed jiġu kkuntattjati biex jingħataw aktar dettalji dwar il-vjaġġi lejn Malta u anke biex tiġi stabilita l-qagħda tagħhom.
Bħalissa fil-Libja hemm madwar 100 Malti.
Minkejja li s-sitwazzjoni fil-Libja mhix stabbli, l-ambaxxata Maltija se tibqa’ miftuħa iżda mhux se tagħti servizzi tal-konsulat.
Kull min jixtieq jikkuntattja l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jew lil Crisis Centre jista' jċempel fuq: 22042200 jew 80072203 jew imejl: crisis.mfa@gov.mt