Aktar minn 50 grupp se jieħdu sehem fil-protesta tal-Moviment Graffitti

Read in English.

Il-Moviment Graffitti qal li 52 grupp diġà rreġistraw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-protesta ‘Iż-Żejjed Kollu Żejjed: Kulħadd għall-Belt’.

Fi stqarrija, il-Moviment Graffitti qal li gruppi li rreġistraw il-parteċipazzjoni tagħhom ivarjaw minn NGOs ambjentali u residenti minn lokalitajiet differenti.

“Huwa nkuraġġanti ferm li naraw firxa wiesgħa ta’ nies minn sfondi u b’interessi differenti jingħaqdu flimkien sabiex jitolbu li tieqaf din il-qerda ambjentali sfrenata u li jkollhom kwalità ta ħajja aħjar,” qal il-Moviment Graffitti.

L-għaqda qalet li fil-ġranet ta’ qabel il-protesta se jkun organizzat ukoll Forum Pubbliku fejn iċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom għall-formulazzjoni tat-talbiet tal-protesta.

Il-Moviment Graffitti qal li l-protesta se tkun qed tagħmel sitt talbiet bl-għan li jiġi kkontrollat il-bini żejjed u bl-addoċċ:

  1. Bidla fil-policies tal-ippjanar
  2. Riforma tal-awtoritajiet responsabbli mill-ambjent u l-ippjanar
  3. It-twaqqif ta’ proġetti kbar ħafna sakemm ikun daħal fis-seħħ pjan serju għall-iżvilupp f’Malta
  4. Strateġija dwar it-toroq u t-trasport alternattiv
  5. Regolamentazzjoni tal-industrija tal-kostruzzjoni
  6. Il-ħarsien tal-biodiversità u s-saħħa taċ-ċittadini

Fl-aħħar se jsir “sett ta’ proposti raġonevoli” li se jiġi ppreżentat lill-awtoritajiet wara l-protesta li se ssir fis-7 ta’ Settembru. Infetaħ sit online dwar il-protesta li jinsab hawn.