Awdjo: Aktar minn 50 dgħajsa ta’ kull daqs waqt il-BOV Valletta Boat Show

Abbord id-dgħajsa Sterden Ann Esperanz, il-Ministru Joe Mizzi, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-BOV Charles Borg u d-direttur ta’ Circle Events John Formosa, niedew is-seba’ edizzjoni tal-BOV Valletta Boat Show.

John Formosa tkellem ma’ RTKnews fejn spjega li din is-sena, se jkunu esebiti aktar minn 50 dgħajsa. It-tul tagħhom ivarja bejn 10 piedi għal dawk li fihom mat-80 pied.

Għall-ewwel darba, din is-sena se jkunu qed jieħdu sehem ukoll esebituri mill-Italja.

Id-direttur ta’ Cirlce Events tenna li s-suċċess ta’ din l-esebizzjoni dejjem kompla jikber. L-għan hu li din l-esbizzjoni issir stabbilita bħala waħda mill-aqwa esebizzjonijiet fil-Mediterran.

 

Aktar minn 13,000 dgħajsa żgħira rreġistrata ma’ Transport Malta

Fil-kelmtejn tiegħu, il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi qal li bħalissa hemm mat-13,000 dgħajsa żgħira rreġistrata ma’ Transport Malta, filwaqt li nħarġu aktar minn 700 liċenzja nawtika. Il-Ministru saħaq li dawn in-numri huma inkoraġġanti ferm, filwaqt li qal kif il-Gvern mistenni jkompli jinvesti f’dan il-passatemp li qed isir dejjem aktar popolari.

Joe Mizzi insista li s-settur marittimu f’Malta huwa mibni fuq elementi imprezzabli, fosthom il-pożizzjoni ġeografika tal-gżira.

Preżenti għal din it-tnedija kien hemm ukoll is-Sindku tal-Isla, Justin John Camilleri.

Il-BOV Valletta Boat Show se tkun qed issir bejn is-26 u 29 ta’ Settembru f’Boilers’ Wharf fl-Isla.