Aktar minn 400 persuna fuq probation fil-pajjiż

Fil-pajjiż hawn aktar minn 400 persuna li jinsabu fuq probation wara li tressqu l-Qorti dwar xi reat.

Dan qalu l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri fil-Parlament. Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo staqsa lill-Ministru biex jikkonferma kemm hemm persuni fuq probation bħala sentenza. Il-Ministru Camilleri kkonferma li l-għadd totali huwa ta’ 414-il persuna.

Probation hija meta jkun hemm perjodu ta’ superviżjoni fuq il-persuna li tkun instabet ħatja ta’ xi reat minflok tintbagħat il-ħabs.

Każi riċenti li wasslu għall-probation

Raġel ta’ 35 sena tpoġġa taħt probation wara li ammetta akkużi ta’ vjolenza domestika. Fil-Qorti r-raġel mir-Renju Unit li joqgħod il-Gżira wieġeb ħati li ġiegħel lil martu u lit-tfal tiegħu jibżgħu li kien se juża l-vjolenza. Ġie akkużat li kisser bieb intern u li hedded lil uffiċjali tal-pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

Raġel ta’ 31 sena tpoġġa taħt probation wara li tressaq il-Qorti b’akkużi li fost l-oħrajn sawwat lil omm l-eks tfajla tiegħu u kkawżalha nuqqas ta’ smigħ. Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti kkunsidrat il-fatt li f’dawn l-aħħar sentejn ir-raġel qed ibati minn kanċer kif ukoll qed jingħata trattament għas-saħħa mentali. Il-Qorti kkunsidrat ukoll il-fatt li min dak iż-żmien ’l hawn ir-raġel ħalla l-passat kriminali warajh u qiegħed f’relazzjoni stabbli ma’ tfajla oħra.

Raġel ta’ 35 sena wieġeb ħati għall-akkużi ta’ serq u possessjoni tad-droga, u tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal sentejn. Il-Qorti semgħet kif fis-26 ta’ Marzu tal-2016, ġo Triq Oscar Zammit fl-Imsida, huwa seraq xiħaġa ta’ valur minn ġo vettura. L-oġġett ġie deskritt li jiswa bejn €233 u €2400. Hu għamel ukoll ħsara lill-karozza bħala parti mill-proċess tas-serqa.