Aktar minn 400 persuna f’Malta għandha l-HIV

453 persuna f’Malta għandhom l-HIV u jiksbu l-kura għaliha. Il-Ministeru għas-Saħħa qal li Malta huwa l-uniku pajjiż minn 39 pajjiż fl-Ewropa u l-Ażja Ċentrali li l-persuni kollha li għandhom il-vajrus tal-HIV qed jingħataw kura medika.

Dan ħareġ minn Rapport Speċjali maħruġ mill-European Centre for Disease Prevention and Control (ECDC).

Il-medja reġjonali ta’ persuni li jingħataw il-kura hija ta’ 64%, filwaqt li l-mira globali hija li 90% ta’ persuni bl-HIV jkunu qegħdin jingħataw il-kura.

Mill-istess rapport jirriżulta għalhekk li Malta qabżet il-medja reġjonali. Jidher li t-trattament ta’ persuni bl-HIV ikun effettiv tant li l-ammont ta’ vajrus fid-demm jitbaxxa ħafna bir-riżultat li ma jkunx aktar possibbli li jiġi trażmess minn persuna għal oħra.

Jirriżulta wkoll li Malta tirreġistra ‘l fuq mill-medja reġjonali fil-każ ta’ persuni milqutin mill-HIV, li jafu biha, li qegħdin jieħdu kura u li l-kura ħadmet fuqhom.

F’Diċembru, Newsbook.com.mt irrapporta li sa Ottubru tal-2018, kien hemm 60 każ tal-HIV ġdid irrappurtat, 15-il każ iktar mis-sena ta’ qabel. Fl-2016 kien hemm 63 każ ġdid filwaqt li fis-sena 2015 kien hemm 61 każ. Dawn iċ-ċifri ingħataw mill-kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa wara li kienet mistoqsija minn Newsbook.com.mt.

Aqra iktar: 60 każ ġdid tal-HIV sal-aħħar ta’ Ottubru