Aktar minn 400,000 persuna taħt it-18-il sena talbu l-ażil fl-2016

Terz tal-applikanti għall-protezzjoni tal-ażil fl-Unjoni Ewropea għas-sena li għaddiet kienu tfal ta’ taħt it-18-il sena.
L-Uffiċċju tas-Sapport għall-Ażil Ewropew, l-EASO, ikkonferma dan fir-rapport annwali għall-2016, li jħares lejn in-numru u n-natura tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali minn persuni li ħarbu minn pajjiżhom minħabba raġunijiet varji.
Fir-rapport l-Unjoni Ewropea tfisser l-Istati Membri kollha u n-Norveġja, l-Iżvizzera, l-Iżlanda u l-Liechtenstein.
Aktar minn 65,000 persuna li talbet l-ażil kienu tfal waħedhom, mhux akkumpanjati minn ħadd li jista’ jitqies bħala adult, 37% inqas mill-2015.
Filwaqt li fl-2016 saru kważi miljun u 300,000 applikazzjoni, li jfisser tnaqqis ta’ 7% mill-2015, il-persuni li applikaw għall-ażil għall-ewwel darba żdiedu b’84%, għal miljun u 150,000 persuna.
L-applikazzjonijiet li ġew iffinalizzati mill-bord żdiedu b’21%. Minn dawn l-applikazzjonijiet li ġew deċiżi, 61% minnhom taw id-dritt għall-ażil lill-persuna.
L-akbar għadd ta’ persuni li talbu l-protezzjoni kienu ġejjin mis-Sirja, l-Afganistan, l-Iraq, il-Pakistan u n-Niġerja, u l-aktar pajjiżi Ewropej li laqgħu lil dawn il-persuni kienu l-Ġermanja, l-Italja, Franza, il-Greċja u l-Awstrija.
26% tal-persuni kollha li talbu l-protezzjoni kienu ġejjin mis-Sirja biss.
Tista' tara r-rapport sħiħ bl-Ingliż minn hawn taħt.