Aktar minn 363 sigħat ta’ xemx f’Lulju

Jiem sħan sajfin laqtu l-gżejjer hekk kif it-temperatura tal-arja ta’ Lulju telgħet minn minimu ta’ 20.2˚C fil-bidu tax-xahar għal massimu ta’ 35.7˚C.

Il-baħar ukoll kien aktar sħun mis-soltu, b’temperatura medja li kienet 0.9˚C ogħla min-norma klimatika ta’ 24.7˚C.

Dsatax-il jum f’Lulju rreġistraw temperatura massima tal-arja li qabżet in-norma klimatika ta’ 31.6˚C. Madankollu, it-temperatura massima tax-xahar li għadda kienet ħafna aktar baxxa mill-ogħla temperatura li qatt intlaħqet f’Lulju, jiġifieri dik ta’ 42.7˚C irreġistrata fl-1988.

Tul ix-xahar, ix-xemx ħarġet għal 363.6 sigħat u s-sema kien ġeneralment ċar.

B’mod ġenerali, Lulju kien aktar mirjieħ min-norma klimatika, b’veloċità medja tar-riħ ta’ 7.5 knots minflok 6.8.