Aktar minn 3,500 serqa fl-2020 – il-PN

Il-Partit Nazzjonalista jinsab inkwetat biż-żieda ta’ kriminalità fil-Gżejjer Maltin. F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, Beppe Fenech Adami qal li l-kriminalità fil-gżejjer Maltin hija realtà u mhux perċezzjoni. Spjega li din is-sena s’issa kien hemm iktar minn 3,526 serqa rrapurtata, 32 hold up, 6 omiċidji u 60 vettura li nħarqet.

Żied li għall-Partit Nazzjonalista mhux aċċettabbli li jkun hemm żoni u lokalitajiet fejn il-Gvern qata’ qalbu fil-ġlieda kontra l-kriminalità. Fenech Adami qal li għall-PN kull lokalità jistħoqqilha li tkun sigura u ċ-ċittadini jkollhom rashom mistrieħa li l-kriminali ma jitħallewx jiksru l-liġi b’impunita’.

Beppe Fenech Adami qal li fil-baġit, il-Gvern naqas li jinċentiva l-Pulizija, biex  jindirizza n-nuqqas ta’ fiduċja li kibret fil-Korp fl-aħħar snin u li jħabbar pjan dettaljat kif se tirrenja s-saltna tad-dritt f’kull lokalita’ biex kull ċittadin jħossu protett mill kriminali. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni wiegħed li Gvern Nazzjonalista ġdida jinvesti f’Korp dixxiplinat, organizzat u mgħammar bl-aqwa mezzi biex jiġġieled il-kriminalita’, b’pulizija b’kundizzjonijiet aħjar u mnaddfa minn elementi korrotti.

Fenech Adami kien qiegħed jitkellem waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mas-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat, il-Kunsillier tal-PN fil-Gudja Mark Anthony Sammut u l-President tas-Solidarjeta’ Ħaddiema PN Ivan Castillo.

Fid-diskors tiegħu Noel Muscat qal li ma jistax ikollok vizjoni ekonomika b’saħħitha f’pajjiż jekk ma jkunx hemm sigurtà. Muscat qal li l-kunċett tal-pulizija fil-komunità kien proposta tal-PN u għall-ewwel il-Gven injoraha iżda mbagħad introduċiha.

Il-Kunsillier tal-Gudja, Mark Anthony Sammut qal li l-Gvern falla milli joħloq setturi ġodda li jagħmlu l-ekonomija aktar reżiljenti u joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi ta’ kwalità.Huwa kompla li l-indurstija li ħoloq il-Gvern hija dik tal-bejgħ tal-passaporti.

Sammut qal li b’din l-iskema l-Gvern naffar investimenti ta’ kwalità u bl-aġir tiegħu l-Gvern qiegħed jipperikola l-industriji ta’ suċċess li ħoloq il-Partit Nazzjonalista meta kien fil-Gvern.  

Il-kunsillier tal-Gudja kkundanna lill-Prim Ministru Robert Abela li ddefenda lill-Kap Ezekuttiv tal-MFSA Joe Cuschieri.

Il-President tas-Solidarjeta’ Ħaddiema PN Ivan Castillo qal li dan huma żmien iebes għall-ħaddiema u jridu jinħolqu soluzzjonijiet għad-diffikultajiet minflok tingħata tama falza. Żied li għandu jkun hemm pjanijiet għal setturi ġodda ta’ impjieg b’valur miżjud u pagi aħjar. Il-president tal-SĦPN qal li għandha tinbena ekonomija b’saħħitha li ma titkissirx mal-ewwel mewġa u spjega li l-mudell ekonomiku li għażel il-Gvern Laburista huwa ċ-cheap labour u l-immigrazzjoni ntużat biex tbaxxi l-pagi tal-ħaddiema Maltin.

Castillo spjega il-proposta ta’ Patt Soċjali Ġdid, u qal li l-PN se jagħti priorita’ għall-introduzzjoni tal-living income, tiġi reveduta l-COLA u jinħoloq ġid nadif sabiex l-attractiveness index jerġa’ jogħla.