Aktar minn 318,000 vettura fit-toroq Maltin

Aktar minn 318,000 vettura kienu rreġistrati f’Malta sal-aħħar ta’ Ġunju li għadda, jiġifieri żieda ta’ kważi 1% fuq l-ewwel tliet xhur tas-sena.

Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi li kważi 80% tal-vetturi huma karozzi, 15% huma vetturi kummerċjali filwaqt li 5% tal-vetturi kollha huma muturi. Il-karozzi tal-linja u l-vannijiet jammontaw għal inqas minn 1% tal-vetturi.

Bejn April u Ġunju nħarġu aktar minn 4,500 liċenzja ġdida, bil-maġġoranza ta’ dawn il-liċenzji l-ġodda nħarġu lill-karozzi, filwaqt li madwar 450 liċenzja nħarġu lill-vetturi ta’ servizz. Il-karozzi l-ġodda ammontaw għal kważi 2,000 jew 44% tal-liċenzji l-ġodda.

Fl-istess perjodu, 36 vettura kienu esportati, l-vetturi ggaraxxjati jammontaw għal aktar minn 1,800 filwaqt li aktar minn 1,200 vettura kienu skrepjati.

Għaldaqstant, sal-aħħar ta’ Ġunju, aktar minn 190,000 vettura huma tat-tip petrol filwaqt li l-vetturi diesel jammontaw għal aktar minn 120,000 jew inkella 38% tal-vetturi.