“Aktar minn 30 infermiera kwarantina; il-PM bla rispett” – MUMN

Il-President tal-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) Paul Pace qal li l-Prim Ministru Robert Abela m’għandux rispett lejn l-infermiera li jinsabu kwarantina.

Fuq Facebook, Pace spjega li aktar minn 30 infermiera bħalissa jinsabu kwarantina minħabba l-każijiet tal-coronavirus li reġgħu feġġew fil-Gżejjer Maltin. Dawn, għalhekk, qegħdin jiċċaħħdu minn familthom u mill-qraba tagħhom.

Dan il-kumment isegwi l-kontroversja li nqalgħet wara li l-qabża fil-każijiet tal-coronavirus donnha bdiet minn party li sar ġo lukanda f’San Ġiljan. Apparti hekk, kien hemm ukoll grupp ta’ każijiet ġejjin mill-festa ta’ Santa Venera. Din iż-żieda fil-każijiet wasslet biex diversi għaqdiet, entitajiet u ħaddiema tas-saħħa jappellaw lill-Gvern biex iwaqqaf l-attivitajiet tal-massa, bħall-parties u l-festi, sabiex l-imxija titrażżan.

Minkejja li ma nħarġitx ordni dwar dan, għadd ta’ organizzaturi minn jeddhom ħadu d-deċiżjoni li jħassru l-avvenimenti li kellhom imħejjin, peress li l-maġġoranza tan-nies mhumiex iħossuhom siguri jattendu attivitajiet iffullati.

Ilbieraħ fuq il-BBC deher rapport dwar Malta li fiha ntqal li filwaqt li l-kumplament tad-dinja qed tħassar l-attivitajiet pjanati, Malta dan is-sajf qed torganizza erba’ festivals tal-mużika internazzjonali sabiex tattira lill-barranin, speċjalment liż-żgħażagħ.

Min-naħa tagħha, il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli qalet li minflok iħassar il-parties skedati li jsiru f’Malta, il-Gvern ħa jara x’jista’ jsir aħjar u x’seta’ sar differenti.