Aktar minn 3 miljun persuna jżuru l-Papa Franġisku fl-2015

Is-sena li għaddiet, madwar 3,210,000 persuna ħadu sehem f’funzjonijet u udjenzi mmexxija mill-Papa Franġisku.
L-akbar ammont ta’ pellegrini, ħadu sehem fil-funzjonijiet li seħħew f’April.
L-Anġelus ta’ nhar ta’ Ħadd baqa’ l-aktar popolari, b’madwar 1,500,000 persuna jattendu għalih matul l-2015.
L-udjenzi ġenerali ta’ nhar ta’ Erbgħa wkoll baqgħu popolari b’madwar 704,000 persuna jieħdu sehem fihom.
Għal udjenzi speċjali, li l-Papa jkollu minn żmien għall-ieħor, attendew aktar minn 408,000 persuna u 513,000 ħadu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi.
Din l-istatistika tinħareġ kull sena mill-Prefettura tal-Casa Pontificia tal-Vatikan. Din l-istatistika ma tkoprix il-vjaġġi appostoliċi tal-Papa.
Bla dubju, kieku l-istatistika kellha tinkludi wkoll il-pellegrini li ħadu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet matul il-vjaġġi tal-Papa, in-numru jikber sewwa.
Biss biss, waqt quddiesa f’xita qalila f’Manila, meta l-Papa żar il-Filippini, kienu attendew mas-6 miljun persuna.
In-numru ta’ pellegrini li marru l-Vatikan is-sena ta’ qabel, jiġifieri fl-2014, kien aktar. Matul dik is-sena, kważi 6 miljun persuna kienu ħadu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet immexxija mill-Papa Franġisku.