Aktar minn 3,700 student u studenta għamlu l-eżamijiet tal-benchmark

L-eżamijiet tal-benchmark, fl-aħħar ta’ Mejju u l-bidu ta’ Ġunju, saru fi 62 skola Primarja tal-Istat, 21 skola Primarja tal-Knisja u seba’ skejjel Primarji Indipendenti.
Tliet skejjel tal-Knisja kellhom klassijiet tas-sitt sena li pparteċipaw għall-ewwel darba fil-benchmark minn din is-sena.
B’kollox kien hemm 3,733 student u studenta li għamlu dan l-assessjar, li minnhom 1,729 kienu subien u 2,004 kienu bniet.
L-assessjar sar fil-Malti, l-Ingliż u l-Matematika. Nofs l-istudenti li għamlu l-eżamijiet tal-benchmark kisbu marka ta’ 79 jew aktar fil-Malti, 73 fl-Ingliż u 70 fil-Matematika.
Kull karta tal-benchmark ġiet immarkata minn żewġ markaturi mingħajr kitba biex ma jinfluwenzawx lil xulxin.
Dan l-eżerċizzju sar minn 112-il markatur. 44 għall-Malti, 40 għall-Ingliż u 28 għall-Matematika.
L-iskejjel irċevew ir-riżultat fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju u l-istudenti bdew jirċevuhom mis-7 ta’ Lulju.
Dawn kienu jinkludu l-marka miksuba minn kull tifel u tifla, il-marka f’kull taqsima tat-tliet suġġetti li fihom it-tfal ġew assessjati u l-marka medja nazzjonali.
Dan sar biex il-ġenituri jiġġudikaw kif marru wliedhom f’kull suġġett u mal-marki nazzjonali.
Il-karti tal-benchmark jistgħu jitniżżlu mis-sit elettroniku www.curriculum.gov.mt taħt it-taqsima Examinations & Benchmark.