Aktar minn 28,000 persuna jattendu Science in the City

Hu kkalkulat li aktar minn 28,000 persuna ċċelebraw il-Lejlet tar-Riċerkaturi Ewropej matul il-festival Science in the City li sar il-Ġimgħa filgħaxija u b’hekk sal-lum sar l-aktar edizjoni ta' suċċess.
Eluf ta’ tfal u adulti ipparteċipaw fl-installazzjoni tal-arti bl-isem Light Pushes Stuff li kienet tant popolari. Il-viżitaturi setgħu jimbuttaw bozoz tal-LED b’torċijiet f’idejhom li rrappreżentaw teknoloġiji ġodda li qed jiġu żviluppati.Din l-attivita’ kienet iffinanzjata mill-Malta Arts Fund u Hybrid Optomechanical Technologies (HOT). Oħrajn esperjenzaw Jazz for the Brain, fejn mużika jazz kienet ispirata b'riċerka fil-newroxjenza mmirata biex ittaffi l-puplesija.
Għadd ta’ nies iltaqgħu mal-mijiet ta' studenti mill-istituzzjonijiet edukattivi għolja ta' Malta, u tkellmu dwar ix-xjenza, il-lingwistika, l-istorja tal-arti, is-saħħa u ħafna suġġetti oħra. Ir-riċerkaturi iddiskutew man-nies  dwar ix-xogħol tagħhom u l-possibbiltà ta’ karriera fi ħdan STEAM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija, Arti, Matematika). Biex turi li x-xjenza għanda impatt fuq ħafna aspetti oħra tas-soċjetà tagħna, l-għaqdiet ta’ NGOs, ix-xjenzati industrijali u l-impjegati tal-gvern iddiskutew il-ħtieġa tar-riċerka biex jagħmlu x-xogħolhom effettiv.
Il-festival dalwaqt se jkun qed iftaħ sejħiet għal msieħba u proposti fit-tħejjija għall-attivita’ oħra ta’ Xjenza  fil-Belt 2018!
Il-festival ix-Xjenza fil-Belt Valletta hu parti minn ċelebrazzjoni Ewropea, Lejlet ir-Riċerkaturi Ewropej u ffinanzjata mill-Proġett  Horizon 2020, ta’ Marie Skłodowska-Curie Actions mill-Kumissjoni Ewropea. Dan hu festival rikonoxxut mill-Europe for Festivals and Festivals for Europe (EFFE).
L-avveniment hu organizzat mill-konsorzju mmexxi mill-Università ta’ Malta, il-Kamra Maltija tax-Xjentisti, il-Fond tar-Riċerka (RIDT), bi sħubija mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u Xogħol, is-Segretarju Parlamentari  għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni, Jugs Malta, Studio 7, MEUSAC, MCST, Esplora, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, il-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija, PBS, BPC International, Notte Bianca, Spazju Kreativ, Pjazza Teatru Rjal, AquaBioTech Group, il-Bank Ċentrali ta’ Malta, Wasteserv u numru ta’ msieħba oħra.