Aktar minn 26 miljun tifel u tifla jinsabu fil-faqar fl-Unjoni Ewropea

Rapport Ewropew tal-EU Alliance isostni li fl-Unjoni Ewropea hawn 26.5 miljun tifel u tifal li jinsabu fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali.
Dan ifisser li fuq medda ta’ sena t-tfal li jinsabu f’dan ir-riskju żdiedu b’aktar minn nofs miljun. Ir-rapport jistaqsi kemm verament l-Unjoni Ewropea se jirnexxilha tilħaq il-mira li tnaqqas il-faqar fi żmien 6 snin oħra.  
EU Alliance qed isostnu li biex l-Ewropa tilħaq il-miri stabbiliti għas-sena 2020, l-Unjoni Ewropea trid taħdem biex ittejjeb il-livell tal-għajxien ta’ dawn it-tfal.
Ir-rapport jgħid li meta t-tfal jgħixu fil-faqar u mingħajr edukazzjoni xierqa jitilfu ħafna opportunitajiet u ma jkunux jistgħu jieħdu sehem attiv fid-dinja tax-xogħol.
Jingħad li l-faqar jeskludi lit-tfal mid-drittijiet tagħhom.
Għalhekk l-EU Alliance for Investing in Children qed jappellaw lill-Ministri Ewropej biex jagħtu iktar attenzjoni u jħaffu l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni Ewropea.
Qed jappellaw ukoll biex l-indikaturi soċjali dwar it-tfal isiru parti mill-politika soċjali tal-pajjiżi membri.
Dan sabiex il-politika nazzjonali tkun ibbażata wkoll fuq id-dmir tas-soċjetà li tgħin lil min hu fil-bżonn.